B’investiment ta’ kwart ta’ miljun ewro, se jkun qed isir għarbiel tar-ramel madwar il-bajjiet madwar pajjiżna.
Permezz ta’ dan il-makkinarju se jkun qed jinġabar il-ħmieġ li jitla’ mill-baħar, bħal alka u ħut mejjet u anki ħmieġ fir-ramel, fosthom filters tas-sigaretti.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-bajja tal-Għadira mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u s-Segretarju Parlamentari responsabbli mit-tindif pubbliku Deo Debattista.
Il-Ministru Clayton Bartolo qal kif dan l-investiment huwa importanti sabiex ikompli jitjieb il-prodott turistiku Malti, hekk kif il-bajjiet Maltin huma l-aktar imfitxija mit-turisti.
Qal, “L-għan tagħna huwa sabiex l-irkupru sostennibli u dak li qed nagħmlu llum hawnhekk, qed ninvestu fis-sostenibiltà, inkluż is-sostenibilità ambjentali tal-bajjiet, ramliet tagħna. Biex b’hekk aħna nkomplu nsaħħu l-prodott turistiku ta’ pajjiżna u dawk it-turisti li jiġu hawn Malta, tant kemm ikunu ħadu gost, li jerġgħu jirritornaw lura.”
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal kif permezz ta’ dan il-proġett iffinanzjat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se jkun qed jinkludi disa’ makkinarji.
Ġie spjegat ukoll kif dan it-tindif fil-bajjiet se jsir mhux biss fis-sajf, imma anki fix-xitwa.