Kyiv tipprepara għal aktar attakki hekk kif ir-Russi mistennija jidħlu fil-kapitali minn ħin għal ħin.
Suldati tal-gwardja nazzjonali tal-Ukrajna jidhru fuq pontijiet u lejn il-qalba tal-belt fosthom il-pjazza prinċipali Maidan Nezalezhnosti.
Sbieħ il-Ġimgħa, kien hemm bosta attakki mill-ajru u ġew sparati missili lejn Kyiv, bosta żoni residenzjali sofrew ħsarat kbar.
Il-Ġnus Magħquda qalet li minn tal-inqas 25 persuna ċivili nqatlu b’attakki mill-ajru.
Aktar minn mitt persuna oħra ndarbu.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu Sergei Lavrov qal li l-poplu Ukren għandu jiddeċiedi dwar il-futur tiegħu u fisser it-tmexxija Ukrena bħala waħda falluta.
Lavrov saħaq li l-għan tal-operazzjoni militari Russa hi li tiġi eliminata kull theddida militari mill-Ukrajna.