Matul il-lejl attakki mir-Russja laqtu iktar żoni fil-kapitali Kyiv.
Instemgħu diversi splużjonijiet, b’diversi uffiċjali Ukreni jsostnu li r-Russja wettqet attakki bil-missili u blokka appartamenti ntlaqtet.
Il-President Ukren qal li s’issa tilfu ħajjthom, mal-mija u erbgħin persuna bejn suldati u nies ċivili u iktar minn tliet mitt persuna huma feruti.
Kien hemm ukoll rapporti ta’ ġlied fit-toroq.
Il-militar Ukren ippubblika filmati ta’ ġlied bl-armi bejn Russi u Ukreni fil-belt ta’ Sumy, li tinsab madwar tletin kilometru ‘l bogħod mill-fruntiera mar-Russja.
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna, Dimitro Kuleba, qal li r-Russja wettqet attakki ta’ missili orribbli fuq Kyiv u qabbilhom mal-attakk tal-Ġermanja Nażista fuq l-Ukrajna matul it-Tieni Gwerra Dinjija.