Daħlu fis-seħħ għadd ta’ emendi fil-liġi sabiex il-bdiewa li għandhom art agrikola mikrija mingħand il-Gvern ikollhom aktar rikonoximent fuq l-art. Fost dawn hemm il-kirjiet insolidum, jew dawk il-kirjiet meqjusa bħala kirjiet indiviżi speċjalment fejn hemm kerrejja li ma jaqblux ma’ xulxin.
Se jkun iffaċilitat iżjed it-trasferimenti tar-raba’ u kif ukoll jaħsbu biex dawn it-trasfetimenti ma jieqfux għas-sempliċi raġuni li xi ħadd mill-kerrejja ma jaqbilx.
Dawn l-emendi tħabbru mill-Ministru għall-Artijiet Silvio Schembri li spjega kif artijiet li sal-lum ma setgħux jiġu trasferiti, se jibdew jiġu trasferiti.
Qal, “Primarjament it-trasferimenti tal-artijiet fejn il-famuża insolidum kif ukoll problemi oħra relatati mat-trasferimenti fejn hemm binja ta’ aktar minn erbgħin metru kwadru, tajt il-kelma tiegħi li se nindirizzawom u preżentajna emendi biex issa dawn it-trasferimenti jistgħu jsiru u b’serħan lill-bdiewa.”
Permezz ta’ dawn l-emendi l-bidwi se jkun jista’ jagħmel żvilupp fuq l-art agrikola iżda dan l-iżvilupp irrd ikun marbut biss mal-agrikoltura. Dawn l-emendi l-ġodda se jkunu qed issaħħu wkoll ir-regoli tal-wirt.
Fil-fatt jekk ma jkunx hemm testment, l-art tintiret skont ir-regoli tal-wirt naturali.
Il-Ministru għall-Biedja, Anton Refalo sostna li dawn l-emendi se jagħmluha aktar faċli sabiex qraba jkunu jistgħu jkomplu bl-attivita’ fl-art agrikola.
Qal, “Huma mportanti għax jisimplikaw il-proċess kollhu u jneħħu l-burokrazija u naħseb hu mportanti lill-biedwi jkun jaf fejn hu u jingħata l-protezzjoni meħtieġa. Importanti pero dawn l-emendi jaffetwaw il-bidwi ġenwin.”
Tħabbar ukoll li permezz ta’ dawn l-emendi se tkun qed issir ġustizzja ma’ dawk li kienu applikaw bi skemi antiki magħrufa bħala tal-ħamsin lira.
Malcolm Borg, President tal-Għaqda Bdiewa Attivi laqa’ dawn l-emendi.
Qal, “Huma emendi li ilna naħdmu għalihom ħafna u huma pożittivi ħafna. Ħa jiffrankaw ħafna uġiegħ ta’ ras lill-bdiewa u r-raħħala. Allura huwa pass importanti ħafna fid-direzzjoni t-tajba.”