Jeremy Zammit ingħata l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Jannar. Zammit huwa familjari ma’ dan il-premju, li rebaħ darbtejn is-sena li għaddiet f’April u f’Lulju.
Bidu mill-aqwa għall-istaġun tal-atletika Maltija, b’mod speċjali għal Jeremy Zammit ta’ Pembroke Athleta, li għad għandu biss 17-il sena, li kiser ir-rekord nazzjonali fil-long jump b’qabża ta’ 7.73m. Ir-rekord preċedenti, ta’ żewġ ċentimetri inqas, kien f’idejn Rachid Chouhal, li proprju fl-istess ġurnata waqqaf rekord fil-kompetizzjoni tal-over 45 tal-irġiel, b’6.34m.
Zammit huwa wiċċ familjari għal dan il-premju, meta rebaħ f’April u f’Lulju tas-sena li għaddiet, wara li kiser rekords nazzjonali u kellu prestazzjoni impressjonanti fl-EAP International Meeting u l-European U-20 Championships. Zammit kien ukoll spiċċa runner-up fil-premju tal-Atlas Atleta Żagħżugħ/a tas-Sena 2021.
It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Jannar 2022 flimkien mal-vawċer t’abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew ippreżentati lil Jeremy Zammit minn Matthew von Brockdorff, Managing Director u CEO, u Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-Amministratur Stephen Azzopardi.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’imejl lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.