Uffiċjali tal-Pulizija mis-sezzjoni tar-Rapid Intervention Unit taw ix-xhieda tagħhom dwar ix-xena li sabu ma wiċċhom meta marru fi Triq il-Wied, l-Iklin wara rapporti li seħħet sparatura.
Il-każ seħħ wara li allegatament inqala’ argument bejn l-imputat Ryan Sultana ta’ 24 sena mill-Iklin u Vincent Xuereb ta’ 55 sena.
Fix-xhieda tagħhom l-Uffiċjali qalu li sabu raġel mixħut mal-art bid-u ma felaħx jitkellem.
Huma qalu kif l-allegat agressur kien fuq il-post u mar fuq il-Pulizija fejnu ta ruħu b’idejh u ġie arrest minnufih.
Raġel ieħor, li kien iz-ziju tal-akkużat kien qiegħed jaġixxi b’mod suspettuż u daħal ġo residenza biswit fejn seħħ il-każ.
Kien hawnhekk, fejn il-Pulizija ddeċidew li jfittxu ġewwa r-residenza.
Ir-raġel pprova jżomm lil uffiċjali imma kkopera ftit tal-ħin wara meta raġel ieħor issuġerielu jagħmel dan.
Kif daħlu l-Pulizija nnutaw basket li kien fih arma tan-nar fuq sufan, liema arma kienet suspetta li ntużat fir-reat ftit tal-ħin qabel.
Hemmhekk, is-Surġent ordna uffiċjal jibqa’ għassa mar-residenza.
Quddiem il-Maġistrat Monica Vella, nstema’ kif Ryan Sultana seta’ aġixxa bil-biża’ wara li nnota xi ħaġa sewda f’idejn l-allegat vittma.
L-imputat qabad l-arma tan-nar u ppuntaha fil-għoli fejn konsegwentament spara tliet tiri, bil-għan li jbeżża’ lil Xuereb.
Fi stqarrija li għamel l-imputat instema’ kif xi difett fl-arma wassal biex it-tiri marru aktar ’l isfel.
Il-każ mistenni jkompli f’Marzu.