“Se nonoraw l-impenn tagħna sabiex inżommu l-prezz tal-enerġija b’mod stabbli.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’intervista fuq ONE Radio qabel ħalla pajjiżna għall-Brussell biex il-mexxejja Ewropej jiddiskuti l-kriżi fl-Ukrajna.
Il-Prim Ministru hawnhekk qal kif għalkemm din il-kriżi tidher ’il bogħod minn pajjiżna, se tkun qed tħalli impatt fuqna wkoll.
Bl-aktar mod ċar, Dr Abela qal li l-messaġġ ta’ Malta se jibqa’ konsistenti favur il-paċi u rrimarka fuq in-newtralità ta’ pajjiżna.
Saħaq li l-Gvern se jaħdem biex jilqa’ għall-effett tat-tensjonijiet bejn ir-Russja u l-Ukrajna
Qal, “Qiegħed hawnhekk ninpenja ruħi li se nonoraw il-commitment li għamilna li nżommu l-prezz tal-enerġija stabbli. Dan tara kemm huwa importanti li tkun iffukat f’dan il-mument anke tkun bilgħaqal u li jkollok pjan iffukat fuq kif trid tkun taħdem biex inżommu dan il-punt tant importanti tal-prezz tal-enerġija li huwa stabbli biex ma jkollnix inflazzjoni. Dwar is-sanzzjonijiet dwar se jiġu implimentati fl-intier tagħhom mill-Gvern tagħna.”
Dr Abela qal ukoll kif il-Gvern jinsab infurmat li l-Maltin kollha li kienu fl-Ukrajna laħqu telqu mill-pajjiż.
Intant fl-intervista fuq ONE Radio, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-pensjonanti.
Hawnhekk huwa qal kif l-anzjani jridu jagħżlu jekk fis-26 ta’ Marzu jagħtux il-fiduċja lil min kontinwament investa fihom, jew inkella jissograwx li jmorru lura għaż-żmien fejn l-uniku ħaġa li kienu jaraw tiżidied kienu l-kontijiet.
Proposta oħra mill-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista hija dik intiża sabiex jiġu mgħejjuna fost oħrajn iż-żgħażagħ li se jixtru l-ewwel propjetà tagħhom, fejn il-Gvern se jħallas elf ewro fis-sena mill-pagament tas-self għal għaxar snin.
Qal, “Aħna l-proposti tagħna ċari kristall. Trid taħdem? Ngħinuk. Trid issir sid ta’ darek. Ngħinuk. Xi tfisser din il-miżura? Jekk il-poplu jagħtina l-fidċuaj tiegħu u jagħtina l-mandat biex nerġgħu nmexxu lil dan il-pajjiż għall-ħames nin li ġejjin, din il-miżura se tidħol fis-seħħ b’lura mill-ewwel ta Jannar ta’ din is-sena.”
Dr Abela tenna li Gvern Laburista ġdid se jinvesti wkoll seba’ mitt miljun ewro f’seba’ snin sabiex il-familji Maltin u Għawdxin ikollhom aktar spazji miftuħa fejn ikunu jistgħu jistrieħu u jgawdu l-ambjent.
Dwar it-tnaqqis fit-taxxi, il-Prim Ministru qal li għax dan il-partit verament irid jippremja il-bżulija, se jħalli disgħin miljun ewro fis-sena fil-bwiet tan-nies.
Robert Abela temm l-intervista billi nnota s-sentiment pożittiv min-nies għall-messaġġ pożittiv li qed iwassal il-Partit Laburista għall-futur isbaħ f’pajjiżna.
Qal, “In-nies qed tinnota d-differenza bejn il-kampanja taż-żewġ partiti b’mod partikolari imbagħad kif ġew preżentati l-proposti u din xi ħaġa li n-nies tant ikkumentaw fuqha. Jien ngħid li din id-differenza se tkompli toħroġ iktar fiż-żmien li ġej. Id-differenza bejn il-futur, aħna u l-passat, l-Oppożizzjoni. U l-għażla bejn dawn it-tnejn trid issir fis-26 ta’ Marzu.”