Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar kif mill-11 t’April attivitajiet tal-massa fuq barra se jibdew isiru b’mod normali, jekk is-sitwazzjoni tibqa’ stabbli.
Fearne qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Hawnhekk qal kif dan se jfisser li l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid se jsiru b’mod normali.
Chris Fearne qal kif attivitajiet tal-massa fuq ġewwa se jkunu jistgħu jidħlu għalihom dawk biss li għandhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin validu.
Fearne ħabbar ukoll li min-nhar it-Tnejn 7 ta’ Marzu, l-istabbilimenti li għandhom il-liċenzja biex jagħlqu fit-tard se jibqgħu jaħdmu b’normali u mhux jagħlqu fis-1am.
Fearne spjega aktar mill-pjan ta’ rilaxx parti mill-ħruġ ta’ pajjiżna mill-pandemija.
Fearne qal li mit-Tnejn 7 ta’ Marzu se titneħħa għall-kwarantina għall-kuntatti primarji ma’ persuni bil-Covid-19.
Dan meta persuna jkollha ċertifikat tal-vaċċon validu.
Minn dakinhar ukoll, dawk li huma kuntatti sekondarji u mhumiex imlaqqma kompletament, xorta mhux se jkollhom l-obbligu tal-kwarantina.
Għal dawk li mhux imlaqqma u li huma kuntatti primarji, mis-7 ta’ Marzu, il-kwarantina se tinżel għal ħamest ijiem minn 14-il ġurnata.
Hawnhekk intqal li jrid jittieħed test, qabel tispiċċa l-kwarantina.
Intqal kif persuni li ġejjin minn pajjiżi fiż-żona ħamra skura, il-kwarantina se tonqos għal sebat ijiem.
Minn dakinhar ukoll, Malta se tibda tagħraf tilqim li huwa rikonnoxut mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u mhux dak biss mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini.
Id-Deputat Prim Ministru qal kif matul il-vaganzi tal-Għid se jsir studju biex wara dawn il-btajjel jiġi deċiż jekk it-tfal għandhomx jilbsu l-maskra jew le fl-iskejjel.