L-Awtoritajiet Ukreni qalu kif s’issa mietu minn tal-inqas seba’ persuni kawża tal-attakki mir-Russja.
19-il persuna oħra huma rrappurtati nieqsa.
Il-Ħamis filgħodu l-midja internazzjonali bdiet tirrapporta bi prominenza l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna, fejn hemm rapporti li t-truppi Russi qed jattakkaw b’missili u splużjonijiet f’ibliet ewlenin.
Aktar qabel instemgħu l-ewwel splużjonijiet fi bliet kbar fl-Ukrajna, hekk kif il-President Russu Vladimir Putin ħabbar operazzjoni militari fir-reġjuni ta’ Donbas u Luhansk fl-Ukrajna.
F’messaġġ lin-nazzjon, Putin talab lis-suldati Ukreni fin-naħa tal-Lvant tal-pajjiż biex iċedu l-armi u jirtiraw.
Wissa li r-rispons ta’ Moska se jkun immedjat jekk xi ħadd jipprova jirreaġixxi jew jattakka lir-Russja.
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna akkuża lir-Russja li bdiet gwerra fuq skala sħiħa u ħeġġeġ lin-Nazzjonijiet Magħquda biex jagħmlu dak kollu possibbli biex iwaqqfuha.
Il-President Amerikan Joe Biden wiegħed li d-dinja se żżomm lir-Russja responsabbli u bassar diversi mwiet.
Biden mistenni jindirizza lill-Amerikani aktar tard illum dwar il-konsegwenzi li qal li se taffaċċja r-Russja.
Il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li din l-invażjoni tista’ tkun il-bidu ta’ gwerra kbira fil-kontinent Ewropew.
Intant, l-Unjoni Ewropea qalet kif dawn is-sigħat huma l-aktar diffiċli għall-Ewropa mit-Tieni Gwerra Dinjija.
L-Ukrajna daħlet fi stat ta’ emerġenza għal xahar sħiħ u għalqet l-ispazju tal-ajru għal titjiriet b’ajruplani tal-passiġġieri.
F’Kyiv u bliet oħra kbar dehru xeni ta’ paniku u nies jippruvaw jaħarbu b’ta’ fuqhom senduqhom.
Bosta marru taħt l-art minn fejn tgħaddi l-metro hekk kif bdew idoqqu s-sireni u Kyiv ukoll ġiet attakkata.
Nies oħra dehru fi kjuwijiet kbar barra s-supermarkets u serbut twil ta’ karozzi barra l-kapitali jixhed il-biża’ mill-invażjoni Russa.
Rapporti qalu wkoll li ħafna nies marru jiġbdu l-flus mill-magni.
Is-swieq finanzjarji wkoll qalgħu daqqa u ġiet irrappurtata żieda fil-prezz taż-żejt u daqqa fir-Ruble, il-munita Russa.
Intant il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti Evarist Bartolo qal li llum kien f’kuntatt mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ukren Dmytro Kulebali.
Il-Ministru Bartolo qal li bħala pajjiż ċkejken, Malta qatt ma tista’ taċċetta li min hu b’saħħtu jimponi fuq ħaddieħor.