B’investiment totali ta’ €2.2 miljun se jsiru erba’ proġetti u jingħataw servizzi fir-residenza San Vinċenz de Paul.
B’investiment ta’ miljun ewro se jinbidlu 800 sodda minn mekkaniċi għall-elettriċi.
Dan se jkun qed ifisser servizz aħjar għall-anzjani biex ikunu aktar komdi.
Fuq talba tal-anzjani wkoll se jiġi estiż is-servizz tal-wifi f’kull rokna ta’ San Vincenz de Paul kif ukoll se jsir xogħol ta’ tisbiħ fuq l-aħħar żewġt iswali li fadal.
L-aħħar proġett huwa servizz tad-dentistrija li bi ftehim mal-privat se jibda jingħata b’mod aktar effikaċi.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul, Josianne Cutajar qalet li permezz ta’ dan il-proġett se tonqos il-lista ta’ stennija tal-anzjani li għandhom bżonn ssirilhom fost oħrajn dentatura.
Dan is-servizz se jingħata wkoll lill-anzjani li jgħixu f’residenzi oħra tal-Gvern.
“Se nkunu nistgħu nindirizzaw dawn il-bżonnijiet li forsi li mhumiex l-ewwel priorità, imma huma xorta bżonnijiet u ħa nkunu qed nindirizzawhom b’mod immedjat.”
Hija spjegat ukoll proġetti li huma maħsub għaż-żmien li ġej.
“Oltre minn hekk, nista’ ngħidlek ukoll li aħna qed inħarsu lejn l-ispazju miftuħin tagħna, lejn is-sitwazzjoni tad-dimensja u għandna ħafna proġetti ppjanati wkoll, qegħdin fl-andament li aħna nfittxu l-fondi tagħhom ħalli nibdew il-proċess.”
Il-Ministru għall-Anzjani Michael Farrugia qal li permezz ta’ dawn il-proġetti, li tħabbru l-Erbgħa, se jfissru servizzi u faċilitajiet aħjar għall-anzjani.
“Aħna qabel xejn jinteressana illi l-anzjani jkollhom ambjent sabih fejn huma jgħixu, li jkollna mill-aħjar faċilitajiet imma fl-istess ħin li l-ħaddiema jkollhom is-serħan tal-moħħ li qed nipprovdulhom apparat illi jħares saħħithom u ukoll ambjent illi jkunu kuntenti jaħdmu fih.”
Dawn il-proġetti qed isiru b’kollaborazzjoni mal-Kumitat għall-ħarsien għar-residenti f’San Vincenz.