Ħames lokalitajiet madwar Malta se jaraw seba’ proġetti ta’ tisbiħ, tħaddir u żvilupp urban.
Dawn il-proġetti li se jieħdu l-forma ta’ xogħlijiet estensivi f’żewġ ġonna fil-Mosta, żewġ kumplessi sportivi fis-Siġġiewi u ieħor f’Ħal Qormi, spazju aħdar ġewwa l-Kalkara, u ġnien f’Ħ’Attard, se jsiru realtà permezz ta’ investiment ta’ miljun u nofs ewro.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes u mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat, fejn intqal kif dawn il-proġetti se jsiru permezz ta’ intervent tal-Fond għall-iżvilupp tal-Akkomodazzjoni Soċjali u mill-Aġenzija Komunitajiet Malta u Residenza Malta.
Il-Ministru Galdes qal kif proġetti bħal dawn se jtejbu l-kwalità tal-ħajja għan-nies anki li jgħixu fl-urban.
Qal, “Il-viżjoni tagħna mhux sempliċiment hija li nibnu appartamenti jew nallokaw l-akkomodazzjoni soċjali imma wkoll li naraw li jkun hemm ambjent aħjar, li jkun hemm ħajja soċjali aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lir-residenti li jgħixu fihom ukoll.”
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Alex Muscat spjega li dawn il-proġetti qed isiru grazzi għall-investiment barrani.
Spjega, “L-ebda ewro minn dawn il-proġetti mhu ġej mit-tax payer Malti. Dan huwa l-mod kif aħna nattiraw l-investiment internazzjonali dirett. Imbagħad dawk il-flus ninvestuhom lura fil-komunitajiet, jiġifieri l-komunitajiet tagħna ħa jibbenefikaw minn spazji ħodor isbaħ fiż-żoni fejn jgħixu mingħajr mhu qed iħallsu ewro wieħed. Dan huwa l-għaqal ta’ dan il-Gvern nattiraw l-investiment u ninvestuh lura fin-nies.”