Il-Malta Mountainbike Association bdiet l-istaġun tal-2022 meta ospitat l-ewwel tellieqa taċ-Cisk 0.0 Cross Country National Point Series il-Ħadd filgħodu fejn laqgħet folla ta’ċiklisi fil-Miżieb.
Għalkemm il-Miżieb deher regolarment fil-kalendarju tal-avvenimenti tal-MMBA, il-korsa ta’ din is-sena ġiet mċaqalqa għal naħa oħra tal-bosk. Madankollu, ma kinietx nieqsa minn elementi tekniċi.
Maurice Formosa, li l-istaġun 2021 tiegħu ma kienx wieħed mill-aqwa tiegħu, kiseb bidu tajjeb għall-istaġun meta taħlita esperjenza u teknika tajba rawh jissupera ċiklisti oħra u bil-mod il-mod jikseb postu fuq quddiem fil-kategorija Elite. Fl-ewwel dawra, Brandon Sultana ħareġ sparat biex irreġistra l-aktar dawra veloċi iżda b’Maurice Formosa, Mark Bonnici u Jason Vella b’tir ta’posiżżjoni tajba, ma kinitx se tkun tellieqa faċli għaliħ. L-esperjenza ta’ Formosa ippermettielu jirbaħ fil-ħin finali ta’ 1:03:59. Sultana spiċċa 10 sekondi wara Formosa. F’triqtu sal-podju Jason Vella kellu jiġġieled kompetizzjoni iebsa minn Mark Zammit sakemm dan tal-aħħar sofra panċer fl-aħħar dawra.
Jidher li m’hemm xejn li jwaqqaf lil Marie Claire Aquilina li ħadet vantaġġ mill-bidu net tal-korsa ta’ erba’ dawriet. Jikkompetu għat-tieni post kienu Lara Buttigieg u Fiona Tedesco. Buttigieg kienet fuq quddiem b’Tedesco tnaqqas id-distakk fit-tielet dawra. Minkejja t-tentattivi ta’ Tedesco, Buttigieg ħadet t-tieni post b’vantaġġ ta’ 26 sekonda. Ta’ min isemmi, lill- Felicienne Cini, li kienet ir-raba ċiklista femminili. Dak li Cini jonqosha fl-esperjenza qeda tpatti għalih fl-ispirtu.
Christian Zammit ħareġ rebbieħ fil-kategorija Sport bi prestazzjoni determinata biex kiseb vantaġġ komdu fuq Ariel Cruz Diaz u Carl Saydon. Diaz beda it-tellieqa fit-tielet post wara l-ewwel dawra, b’Keith Bartolo sekonda quddiemu. Saydon bil-mod il-mod mexa fuq quddiem u spiċċa erbatax-il sekonda wara Diaz. Diaz u Saydon spiċċaw fit-tieni u tielet post rispettivament.
Fil-Kategorija 40+, Justin Gauci u Stephen Grima marru f’battalja għonq ma’ għonq għar-rebħa tal-kategorija. Grima għeleb lil Gauci fit-tielet dawra, madankollu, spinta kbira minn Gauci fir-raba’ u l-aħħar dawra rawh jirbaħ b’sempliċi vantaġġ ta’ erba’ sekondi. Fit-tielet post Paul Zarb. Il-kategorija 50+ kienet battalja bejn tlett ċiklisti b’Enrico Bradamante jikseb l-ewwel post. Fuq il-podju ingħaqdu miegħu Frederico Sermarini u Raphael Fenech Adami. It-tellieqa U17 intrebħet minn Matthew Galea.
L-Assoċjazzjoni laqgħet ukoll ‘il fuq minn erbgħin ċiklist żagħżugħ, uħud minnhom ta’ ħames snin biex isuqu fuq korsa qasira.
Il-kategorija tas-Subien U15 rat lil Ryan Gatt, Chylen Fava, u Savio Galea jieħdu l-aqwa unuri. Filwaqt li fil-kategorija tas-Subien U12 kien imiss lil Julian Bugeja, Mathion Cini u Nicholas Spiteri. Magħhom fuq il-podju tal-Bniet kien hemm Nina Debono Curmi, Rakela Camenzuli, u Katie-Anne Vella Wood.
It-tieni tiġrija taċ-Cisk 0.0 XC National Points Series se ssir il-Ħadd 20 ta’ Marzu. L-informazzjoni tinsab fuq https://www.maltamountainbike.org.mt/