Fir-Rialto l-Prim Ministru ħabbar aktar proposti għall-pajjiżna partikolarment għall-familji, il-ħaddiema u n-negozji.
It-tieni proposta li ħabbar il-Prim Ministru kienet dik favur familji b’aktar dħul u b’hekk l-inċentiv tax-xogħol.
Għalhekk il-Prim Ministru tenna li se jerġgħu jitnaqqsu t-taxxi biex il-familja ikollhom aktar flus fil-but.
B’riżultat ta’ dan se jkun hemm minimu ta’ €255 tnaqqis ta’ taxxa tad-dħul.
Permezz ta’ twessigħ tat-tax bands huwa stmat li se jitħallew €66 miljun fil-bwiet tal-familji u s-self-employed fis-sena.
Dr Abela tenna wkoll li se jiġi miżmum u mtejjeb ir-rifużjoni tat-taxxa.
Dwar in-negozji, biex jibqgħu joħolqu l-ġid, Dr Abela tenna l-importanza tas-sħubija magħhom biex huma jibqgħu jsostnu lil pajjiżna u joħolqu l-impjiegi.
Hawn il-Prim Ministru ħabbar li se jibqgħu jiġu mgħejjuna n-negozji u se titnaqqas ir-rata korporattiva tat-taxxa minn 35% għal 25%.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll l-akbar żieda fil-pensjonijiet hekk kif ta garanzija ta’ €15 żieda fil-ġimgħa fil-pensjonijiet.
Dan ifisser żieda minima ta’ €2,340 fil-pensjoni tul leġislatura.
Dan apparti ż-żieda tal-għoli tal-ħajja li se tinħadem b’mod aktar ġeneruż mill-mekkaniżmu tal-COLA.
Il-kalkolu tal-Gvern huwa li €240 miljun se jibqgħu fil-bwiet tal-pensjonijiet.
Il-Prim Ministru semma wkoll li se jkun hemm mediċini bla ħlas għall-anzjani kollha.