Malta Flimkien hija l-għajta.
Fid-diskors li fih ħabbar d-data tal-elezzjoni ġenerali għas-26 ta’ Marzu li ġej, il-Prim Ministru kellu messaġġ pożittiv ta’ Malta b’futur sabiħ.
Il-Prim Ministru qal kif il-futur se jkun sabiħ, għax bħalissa Malta tinsab b’saħħitha.
Fil-Floriana huwa semma bosta fatturi li jixhdu dan, fosthom is-sitwazzjoni ferm pożittiva fil-qasam tax-xogħol, fejn Malta għandha l-anqas rata ta’ nies jirreġsitraw fl-istorja tagħha.
Malta għandha wkoll l-anqas ammont ta’ nies jiddependu fuq l-assistenza soċjali.
Il-Gvern, anke fl-aktar mumenti diffiċli minħabba l-pandemija, lanqas waqaf iservi ta’ spalla għall-familji u negozji Maltin u Għawdxin, b’Robert Abela jgħid kif Gvern Laburista ta l-akbar appoġġ li qatt ingħatat fl-istorja.
Bħalissa pajjiżna għandu wkoll l-akbar numru ta’ familji sidien ta’ darhom u l-akbar ammont ta’ kumpaniji jaħdmu fis-settur tal-gaming u tas-servizzi finanzjarji.
Iżda il-Prim Ministru qal li dan kollu għadu l-bidu u għalhekk il-futur huwa wieħed sabiħ.
F’messaġġ b’saħħtu, Dr Abela saħaq li għad għandu programm qawwi ta’ bidliet li jixtieq li nwettquhom flimkien, fosthom li l-anzjani tagħna jkollhom mediċini b’xejn, li nbiddlu wiċċ pajjiżna billi noħolqu spazji ħodor ġodda u li nnaqqsu l-piż tat-taxxi għall-kumpaniji Maltin u Għawdxin.
B’ton ċara il-Prim Ministru qal kif il-ħolma tiegħu jiġborha f’żewġ kelmiet, “il-kwalità tal-ħajja.”
Ara: