Il-Prim Ministru Robert Abela talab lil poplu biex jagħżel.
F’attività politika fil-Floriana ħabbar id-data tal-elezzjoni ġenerali li se ssir fis 26 ta’ Marzu li ġej.
Robert Abela qal kif l-għajta tal-Partit Laburista se tkun Malta Flimkien.
Il-Prim Ministru Robert Abela ddikjara kif fil-ħin li ġej se jkun qed imur għand il-President tar-Repubblika biex jagħtih parir ixolji l-Parlament u tissejjaħ elezzjoni ġenerali.
Din l-aħbar intlaqgħet b’ċapċip kbir minn folla kbira u sabiħa ta’ nies li nġabret fil-Floriana.
F’diskors b’saħħtu u b’messaġġ pożittiv, il-Prim Ministru wera biċ-ċar li l-Partit Laburista se jibqa’ jkun il-bidla, li huwa ambuzzjuż u ottimist għal futur isbaħ.
Hawnhekk huwa semma wkoll ħemel ta’ riformi u miżuri li wettaq Gvern Laburista favur il-Maltin u l-Għawdxin.
Dr Robert Abela qal li dak li ġa twettaq minn Gvern Laburista wera kredibbilità, konsistenza u l-ħila li nmexxu lil Malta ’l quddiem anke f’mumenti ta’ sfida, bħall-pandemija.
Saħaq li dak li dak li l-Partit Laburista se jippreżenta mil-lum ‘il quddiem huwa l-pjan għall-futur.
Pjan li se jiġi ppreżentat b’għajta waħda u b’saħħitha, dik ta’ Malta Flimkien.
Il-Prim Ministru temm bl-għajta, Malta Flimkien biex tkompli titjieb il-ħajja tal-pensjonanti, li ż-żgħażagħ isibu f’pajjiżna l-opportunitajiet kollha li joħolmu, Malta Flimkien biex in-nagħtu spazji isbaħ lill-familji, Malta Flimkien biex in-negozju jikber aktar, Malta Flimkien biex il-ħaddiem ikollu kwalità ta’ ħajja aħjar.