Emma Muscat rebħet il-Malta Eurovision Song Contest u se tkun qed tirrappreżenta lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest li ġej f’Turin, l-Italja.
Emma Muscat rebħet il-festival f’pajjiżna bil-kanzunetta ‘Out of Sight’.
Hija kisbet il-massimu tal-punti mogħtija mis-sitt ġurati filwaqt li anki rebħet il-vot tal-pubbliku biex b’kollox kisbet 92 punt.
Wara Emma, fit-tieni post ikklassifika Aidan Cassar bil-kanzunetta ‘Ritmu’ u fit-tielet post ġiet Nicole Azzopardi bil-kanzunetta ‘Into The Fire’.
Aidan ġab 72 punt filwaqt li Nicole kisbet 36 punt.
Emma li tgħodd 22 sena għamlet ħoss meta erba’ snin ilu kisbet ir-raba’ post u waslet sal-aħħar fażi tal-programm Taljan Amici di Maria De Filippi fuq Canale 5.
Minn din l-esperjenza fl-Italja, Emma kisbet kuntratt mad-dar tad-diski Warner Music tal-Italja.
L-ambaxxatriċi Maltija għall-Eurovision li ġej kantant ma’ diversi artisti internazzjonali bħal Eros Ramazzotti.
Hija interpretat diversi kanzunetti oriġinali miktuba għaliha.
Emma issa se tikkompeti f’isem Malta fit-tieni semi-finali tal-Eurovision tat-12 ta’ Mejju.
Jekk tiġi mal-ewwel għaxar postijiet f’dik is-serata, Emma tgħaddi għall-finali tal-Eurovision ta’ jumejn wara.
Ritratt: PBS