Sittin sena ilu saru l-elezzjonijiet ta’ Frar tal-elf disa’ mija tnejn u sittin.
Din l-elezzjoni tibqa’ mfakkra għal wieħed u ħamsin elf persuna li taw l-ewwel preferenza lill-Partit Laburista, dak iż-żmien immexxi mill-Perit Duminku Mintoff.
Dawn jibqgħu mfakkra bħala suldati tal-azzar.
Salvu Sant, li kien fl-eżekuttiv tal-Partit Laburista spjega magħna kif minħabba l-interdett mill-Knisja fuq il-Partit Laburista, fisser li kull min ivvota, mar xi meeting jew qara gazzetta tal-Partit Laburista, kien qed jagħmel dnub mejjet.
Sant spjega magħna kif kien hemm qtugħ ta’ qalb għal dik l-elezzjoni, iżda t-twemmin tagħhom favur il-fqir u l-ħaddiema, kien b’saħħtu.
Huwa qal, “Għax konna nemmnu għal dak li rridu u veru l-ġid għal kulħadd, mhux għal naħa jew oħra, ġid għakl kulħadd ridna. Għax aħna ridna li Malta, kif qegħda llum, indipendenti u nammistraw aħna.”
Salvu Sant irrakkonta episodji li hu u oħrajn ħabbtu wiċċhom magħhom.
Hawn tenna, “U lejliet il-meeting għamlu dimostrazzjoni u aħna ħriġna daqsxejn kien hemm id-Duke of York, kienet fit-triq prinċipali. U ħriġna barra, u trakkijiet u kien hemm ħafna qassisin iħabbtulna ċ-ċoqqa ma’ wiċċna, jobżqulna u jgħidulna “fejn hu d-denb?” Għax dawn weħlulhom f’rashom, li aħna dimonji. Iduru warajna u jaraw jekk għandniex denb.”
Salvu Sant, li kien parti mill-eżekuttiv tal-Partit Laburista spjegalna kif Mintoff baqa’ jikkonvinċi minkejja din il-biża’ mill-Knisja.
Sant stqarr, “Niftakar meeting il-Gżira u lil Mintoff għedtlu ġewweż daqsxejn jien. Għax jien kont fl-eżekuttiv u spiċċajna mill-eżekuttiv kollu, bqajna tlieta għax l-oħrajn kollha ħarġu għall-elezzjoni f’dik is-sitwazzjoni. Qalli llum Salv, irridu naraw minfejn se nibdew.”
Salvu Sant irrakkonta kif minħabba d-dnub il-mejjet, kien hemm Laburisti li ndifnu fil-miżbla, filwaqt li ieħor li miet fi traġedja fuq ajruplan fil-Libja, spiċċa ndifen fiċ-ċimiterju tal-Ingliżi.
Huwa għalaq l-intervista magħna, b’xi ħaġa li qallu dwar dawn iż-żminijiet, l-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista, Dom Mintoff.
Temm jgħid, “U darba għedtlu ser nieqaf daqsxejn, għedtlu għadni kif iżżewwiġt. Qalli Salv, għad jiġi żmien ngħidu kemm konna xxurtajti li għexna daż-żminijiet. Qalli u ħaddieħor talli għamlilna u talli għamel, jipprova jnessihom dawn iż-żminijiet.”