Il-Ġimgħa filgħaxija, fit-tieni serata, minn tlieta tal-Malta Eurovision Song Contest ta’ din is-sena, Malta fakkret il-50 sena parteċipazzjoni fl-akbar spettaklu televiżiv fl-Ewropa, il-Eurovision Song Contest. Kien fl-1971 meta Malta ħadet sehem għall-ewwel darba f’dan il-festival.
Is-serata tal-Ġimgħa, li tmexxiet minn Ryan u Josmar, flimkien ma’ Ron Briffa, jidher li ntogħġbot sew mas-segwaċi lokali, b’ħafna jikkumentaw b’mod pożittiv dwar il-produzzjoni ta’ din illejla li qanqlet ħafna memorji u nostalġija.
Spikkat il-preżenza tal-kantanti li b’mod dirett, uħud minnhom reġgħu nterpretaw il-kanzunetta li biha rrapreżentaw lill-pajjiżna. Is-serata fetħet bl-interpretazzjoni tal-kanzunetta ‘Marija l-Maltija’, bil-kantant Joe Grech li għadu kif iċċelebra għeluq it-88 sena tiegħu aktar kmieni dan ix-xahar, jerġa’ jinterpreta quddiem udjenza, din l-ewwel kanzunetta li qatt irrapreżentat lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest.
Joe Cutajar u Helen Micallef, Renato, Paul Giordimaina u Georgina, Mary Spiteri, Mike Spiteri, Miriam Christine Borg, Debbie Scerri, Chiara, Ira Losco, Lynn Chircop, Julie u Ludwig, Olivia Lewis, Morena, Thea Garrett, Glen Vella, Kurt Calleja, Gianluca Bezzina, Amber, Claudia Faniello u Michela Pace kollha kienu preżenti fuq il-palk f’sala mimlija entużjażmu.
William Mangion, Time Three, Claudette Pace, Fabrizio Faniello, Firelight u Christabelle Borg waslu l-kummenti tagħhom permezz ta’ messaġġ irrekordjat.
TISLIMA LIL CHRIS SCICLUNA
Is-serata f’mument emozzjonali selmet lill-kantant Chris Scicluna li fl-1994 flimkien ma’ martu Moira rrapreżenta lill-Malta fil-Eurovision Song Contest. Chris ħalla din id-dinja aktar kmien il-Ġimgħa stess u f’messaġġ li rrekordja ftit jiem ilu biss, apposta għal din is-serata huwa wassal l-awguri tiegħu filwaqt li nterpreta silta qasira mill-kanzunetta ‘More than love’
TĦABBRU L-FINALISTI U SORPRIŻA FL-AĦĦAR TAS-SERATA
Waqt is-serata tal-Ġimgħa, tħabbru s-sittax-il finalist. Iżda lejn tmiem is-serata l-preżentaturi ħabbru li s-sitt kanzunetti li m’għaddewx ser jifdlilhom tama li kanzunetta minnhom tagħmilha għal finali hekk kif reġgħet infetħet il-votazzjoni biex il-pubbliku jsalva kanzunetta oħra, qabel it-8 ta’ filgħodu tas-Sibt, jum il-finali.