Ingħata bidu għal paġna ġdida għall-isport taż-żwiemel f’pajjiżna, għaliex twaqqfet l-Awtorità EquestriMalta, li se tkun responsabbli mill-isport taż-żwiemel f’pajjiżna.
EquestriMalta tnediet mill-Ministru għall-Isport Clifton Grima flimkien maċ-Chairman tagħha, l-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi u l-Kap Eżekuttiv Max Zammit.
L-isport taż-żwiemel huwa popolari ħafna ma’ diversi Maltin u Għawdxin u għaldaqstant b’din l-Awtorità se tkompli tiġi xprunata d-dedikazzjoni biex jimxi ’l quddiem dan l-isport f’riżultati fuq livell internazzjonali.
Il-prinċipju ewlieni ta’ din l-awtorità hu li jkun żgurat trattament xieraq taż-żwiemel.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta Max Zammit stqarr kif bit-twaqqif ta’ din l-awtorità mistenni li jogħlew l-istandards f’dan l-isport.
Qal, “Huwa importanti ħafna li jkun hemm awtorità regolatorja f’dan l-isport għal diversi raġunijiet. L-iktar importanti huwa sabiex nelvawaw l-importanza ta’ dan l-isport. Hawn ħafna dilettanti, hawn ħafna nies professjonisti, hawn ħafna sidien li jonfqu diversi flus f’dan is-settur u għal daqstant l-awtorità se tkun qiegħda hawnhekk biex tixpruna propju dan l-isport permezz ta’ diversi inizzjattivi kemm edukattivi kif ukoll internazzjonali u anke infrastrutturali li jistgħu jgħollu il-livell fejn ikun hemm it-taħriġ, fejn isiru l-kompetizzjonijiet u naħseb li dik hija it-triq ‘il quddiem.”
Il-Ministru Clifton Grima saħaq ukoll li din l-Awtorità mistennija ddaħħal aktar professjonalità f’din id-dixxiplina sportiva.
Qal, “Kien kruċjali li jkollok awtorità li tiħu dan kollu u tagħmel xogħol li huwa regolatorju, xogħol li permezz tiegħu pajjiżna ħa jkompli dejjem jiżvilluppa aktar f’din id-dixxiplina sportiva li tant hija importanti.”