Tħabbar investiment ta’ erbatax-il miljun ewro mill-Kumpanija Federated Mills, fejn din il-kumpanija se tkun qed tibni mitħna ġdida f’Raħal Ġdid.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Miriam Dalli qalet kif dan l-investiment huwa eżempju ieħor tal-frott pożittiv li qed tħalli l-għajnuna tal-Gvern fil-qasam tan-negozji u l-industrija.
Qalet, “Grazzi għall-għajnuna li qed nagħtu bħala Gvern anke fi żmien ta’ pandemija, qegħdin nagħtu l-opportunità lill-intrapriżi f’pajjiżna biex ikomplu jkabbru, ikomplu jissaħħu u jkomplu joħolqu wkoll aktar karrieri ta’ kwalità. Fl-aħħar sentejn meta madwar id-dinja kellna sfidi ikbar minħabba l-pandemija, dan il-Gvern kien spalla ma’ spalla mal-intrapriżi.”
Il-Kumpanija Federated Mills għandha rwol importani ferm f’pajjiżna hekk kif tispeċjalizza fil-produzzjoni tad-dqiq u sservi kważi għad-domanda kollha tas-suq lokali.
Fil-fatt l-akbar klijenti tagħha huma kumpaniji li jagħmlu l-ħelu u l-ħobż.
Permezz tal-investiment f’apparat bl-aħħar teknoloġija, Federated Mills, li sal-lum tħaddem ħamsa u tletin impjegat magħha, se tkun qed toħloq aktar impjiegi f’pajjiżna.
Iċ-Chairperson tal-Kumpanija qalet kif dan l-investiment se jippermetti wkoll biex wara pandemija, il-kumpanija tespandi u żżid iżjed prodotti fis-suq.