Il-Prim Ministru Malti Robert Abela flimkien mal-mexxejja Ewropej iddiskutew il-kriżi Ukrena waqt laqgħat informali qabel Summit mal-mexxejja Afrikani fi Brussell.
F’kummenti lil midja, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif t-tensjonijiet bejn l-Ukrajna u r-Russja jistgħu jħallu riperkussjonijiet fuq il-provvista tal-gass mir-Russja lejn l-Ewropa.
Saħaq li l-Gvern Malti ddeċieda b’mod għaqli li jkollu diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u żamm il-prezzijiet tal-enerġija b’mod stabbli.
Dan għal kuntrarju ta pajjiżi ġirien oħra fl-Ewropa fejn raw żieda qawwija f’daqqa fil-kontijiet tad-dawl minħabba kriżi fil-qasam tal-enerġija.
“Wieħed jaf illi r-Russja hija provditur ewlieni tal-gass naturali u hemmhekk wieħed jifhem illi jekk ħa jkun hemm ritaljazzjoni min-naħa tar-Russja fuq il-provvista tal-gass se jkollok dak ix-xenarju li ma jixtiequ ħadd u hemmhekk tifhem kemm kien għaqli l-approach li ħa pajjiżna illi rajna li nipproteġu l-konsumatur, jiġifieri lin-nies tagħna miż-żidiet fil-prezz tal-gass. Dan kien punt li tħaddidnih ukoll, l-importanza li nibqgħu nipproteġu liċ-ċittadini tagħna u hemmhekk tara kemm huwa importanti li jkollok Gvern li huwa għaqli.”
Il-Punent ilu jwissi li r-Russja tista’ tinvadi lill-Ukrajna.
Il-Prim Ministru Malti tenna l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea favur tnaqqis fit-tensjonijiet fil-Lvant tal-Ewropa.
Intant il-mexxejja Ewropej issa se jkunu involuti f’Summit mal-mexxejja Afrikani u se jiddiskutu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ kontinenti u kif dawn jistgħu jkomplu jissaħħu u anke ikomplu jiżguraw l-paċi u stabbiltà.
L-Ewropa u l-Afrika se jitkellmu wkoll dwar sfidi globali, fosthom dik tat-tibdil fil-klima.
Il-mexxejja Ewropej u Afrikani se jiddiskutu wkoll il-pandemija u t-tilqim kontra l-Covid-19.