L-għaqdiet sportivi reġistrati ma’ Sport Malta se jibdew jiġu eżentati mill-ħlasijiet u l-miżati kollha tal-Awtorità tal-Ippjanar meta jiġu biex jagħmlu xi żvilupp infrastrutturali.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-padiljun ta’ Ta’ Qali Il-Ministru għall-Isport Clifton Grima u l-Ministru għall-Ippjanar Aaron Farrugia saħqu li din hija wegħda elettorali oħra tal-Gvern Laburista li issa ġiet imwettqa.
Permezz ta’ din l-inizjattiva ser jiġu frankati ’l fuq minn erba’ ewro għal kull metru kwadru tal-iżvilupp.
Il-Ministru Aaron Farrugia qal li minflok, l-għaqdiet sportivi jistgħu jinvestu iktar fl-atleti bl-eluf ta’ ewro li se jiffrankaw.
“Kull għaqda sportiva, association, federation jew klabb hi minnhi jew ġejja minn fejn hi, tiġi eżentata mill-planning fee lill-PA titlob lil minn jagħmel xi tip ta’ żvilupp. Dan qed nagħmluh biex dawk il-flus jmorru f’investiment għat-tfal tagħna u nkomplu ntejjbu l-logħba tkun xi tkun basta waħda Maltija. Aħna qed nħarsu ‘l quddiem biex inkomplu ngħinu dawn l-associations etc permezz tad-Development Planning Fund biex inkomplu nagħmlu numru ta’ proġetti ta’ fejda għal-logħba sportiva.”