Attakk fuq immigrant, sewqan perikoluż, xogħol illegali bħala bouncer u pussess ta’ pepper spray bla liċenzja.
Dawn kienu wħud mill-madwar għoxrin każ ta’ mġiba ħażina li kellu l-eks suldat Godwin Schembri, li fl-2018 tkeċċa mill-Forzi Armati wara li xxandar filmat tiegħu iżeblaħ l-Armata.
Fil-Qorti xehed il-Brigadier Jeffrey Curmi li semma numru ta’ każijiet tal-eks suldat.
Rigward l-attakk fuq immigrant waqt titjira ta’ ripattrijazzjoni, il-Qorti semgħet kif fl-2006, Schembri qal lil suldat ieħor sabiex joħodlu filmat tiegħu jagħti daqqa ta’ ponn lill-immigrant.
Dan għamlu fil-preżenza tal-Pulizija.
Il-Brigadier qal li kieku hu kien jaqbad ikeċċi lil Schembri minnufih fuq l-attakk li seħħ fl-2006.
Fil-Qorti ġie żvelat ukoll kif Schembri ġie mwissi tliet darbiet qabel it-tkeċċija tiegħu u anke kellu l-kondotta tiegħu mċappsa.
Waqt ix-xhieda tal-Brigadier, il-Qorti wissiet ukoll lil Schembri hekk dan tal-aħħar beda jxejjer ritratt lejn ix-xhud, tant li l-Qorti ordnat li Godwin Schembri joħroġ mill-awla.
Il-Brigadier kompla jgħid kif l-azzjonijiet ta’ Schembri waslu saħansitra għal mandat t’arrest relatat ma sewqan perikoluż, u anke nstab ħati li weġġa’ tlett irġiel fil-Qawra bil-pepper spray.
Fil-Qorti ntqal ukoll li f’okkażjoni oħra, Godwin Schembri ta daqqa ta’ sieq fuq vending machine, u meta ġie kkonfrontat ma wera ebda rimors, tant li qal “nagħti daqqa ta’ sieq lil kull ostja ieħor”.
Il-Brigadier sostna li meta ħareġ il-filmat ta’ Schembri fl-2018, huwa ġie infurmat b’dan il-filmat u meta ra l-istorja twila ta’ mġieba ħażina, huwa ma kellu ebda għażla apparti li dan jitkeċċa