Fi tmiem il-ġimgħa t-team nazzjonali malti tal-Waterpolo se jkun qed jilgħab fil-kwalifikazzjoni ghall-kampjonat ewropew tal-waterpolo. Malta se tkun qed tilgħab fi grupp ta’ erba’ teams flimkien mal-Irlanda, il-Litwanja u r-Rumanija. Il-logħob se jsir fil-Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq bejn il-Ġimgha 18 u l-Ħadd 20 ta’ Frar.
Biex tikkwalifika għall-kampjonat ewropew li se jsir fil-Kroazja fis-Sajf li ġej, Malta trid tispiċċa fl-ewwel żewġ postijiet fil-grupp. Team malti li se jkun taħt it-tmexxija tal-kowc Karl Izzo.
It-Team nazzjonali malti tal-waterpolo diġa’ kien ikkwalifika tliet darbiet għal dan il-kampjonat ewropew fl-2016, fl-2018 u fl-2020.
Dettalji inghataw il-Ħamis wara nofs-in nhar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-president tal-ASA Joe Caruana Curran u l-coach tat-team nazzjonali malti Karl Izzo.
Min-naħa tal-ASA hemm ottimiżmu li Malta tgħaddi ghall-fażi finali u tkun mal-aqwa 16-il pajjiż fl-ewropa. It-team malti ilu bosta ġimgħat jipprepara għal dan il-logħob ta’ kwalifikazzjoni tant li fl-aħħar ġranet kien l-Italja għal training camp li nkluda wkoll erba’ logħbiet ta’ ħbiberija kontra teams taljani.
Karl Izzo ħabbar l-iskwadra ta’ 15-il plejer li tinkludi seba’ plejers li jilagħbu f’kampjonati barra minn Malta. Nieqes mill-iskwadra il-captain Stevie Camilleri minħabba impenji li għandu mal-klabb li jilgħab mieghu fis-Serie A2 fl-Italja Copral Muri Antichi. Neqsin ukoll mill-iskwadra l-imweġġa’ Jerome Gabarretta flimkien ma’ Gabriel Pace, Alan Borg Cole u Aurelien Cousin li rtira. Min-naħa l-oħra aħbar sabiħa kienet dik tar-ritorn tal-plejer ta’ San Ġiljan Matthew Zammit mat-team nazzjonali wara li ġew iċċarati xi affarijiet mal-ASA.
Il-pubbliku li jixtieq jattendi ghal-logħbiet jista’ jixtri l-biljetti mis-sit uffiċjali tal-ASA, www.asaofmalta.eu. Il-prezz tal-biljett hu ta’ €10 u jiswa ghat-tlett loghbiet. Il-massimu ta’ persuni li se jitħallew jidħlu hu ta’ 600 spettatur u kull min jattendi irid jippreżenta ċ-ċertifikat tal-vaċċin.
Intant dawn huma l-plejers kollha li jiffurmaw parti mill-iskwadra:
Nicholas Grixti (Sliema), Jake Muscat (Neptunes), Andreas Galea (San Ġiljan), Jamie Gambin (Sliema), Darren Zammit (San Ġiljan), Matthew Zammit (San Ġiljan), Ben Plumpton (San Ġiljan), Jordan Camilleri (Neptunes), Jeremy Abela (Neptunes), Nikolai Zammit (San Ġiljan), Zach Mizzi (Sliema), Dino Zammit (Sliema), Jake Tanti (San Ġiljan), Liam Galea (Sliema), Matthew Mifsud (Sliema)
Programm ta’ logħob:
Il-Ġimgħa 18 ta’ Frar: Malta v Irlanda (18:30)
Is-Sibt 19 ta’ Frar: Malta v Litwanja (18:30)
Il-Ħadd 20 ta’ Frar: Malta v Rumanija (10:30)