Il-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn laqa’ b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li l-art taż-Żonqor ser tingħata lura lin-nies, b’mod partikolari lir-residenti ta’ Marsaskala.
Fi stqarrija mibgħuta lill-midja, il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala qal li filwaqt li dejjem fehem il-ħtieġa li l-pajjiż jattira l-investiment u joħloq ix-xogħol, id-deċiżjoni tal-Prim Ministru ttieħdet ukoll fid-dawl tal-prijorità ambjentali ġdida li għandu l-pajjiż.
Fl-istqarrija iffirmata mis-Sindku Mario Calleja u s-Segretarju Eżekuttiv Josef Grech, ġie spjegat ukoll kif flimkien mal-proġett tal-Inwadar, din iż-żona se tieħu ħajja ġdida bit-tħawwil ta’ ammont kbir ta’ siġar b’rispett lejn l-ambjent naturali.
Hawnhekk il-Kunsill Lokali qal li d-deċiżjoni hija waħda f’waqtha u għalhekk l-Iskaliżi laqgħuha b’sodisfazzjon.
Intant, il-Kunsill Lokali talab ukoll lill-Gvern sabiex jinvesti fl-eks pixxina nazzjonali fiż-Żonqor u b’hekk jerġa’ jingħata t-titolu lura lill-Marsaskala Aquatic.