Fil-programm XTRA, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem ukoll dwar kif il-Gvern u l-Partit Laburista mmexxi minnu jridu jkomplu juru ruħ soċjali u jtejbu ħajjet in-nies.
Ta eżempji kif bl-aħħar Budget kompla jgħin lin-nies waqt pandemija billi ta żidiet oħra lill-pensjonanti, żied l-istipendji u l-inwork benefit iżda l-Prim Ministru saħaq li jrid ikompli jixpruna ħidma favur soċjetà aktar ġusta li toffri opportunitajiet għal kulħadd.
“Nara partit li jibqa’ dejjem xprun biex dan il-Gvern ikompli jimxi lejn soċjetà li tkun waħda aktar ġusta, lejn pajjiż li jkun aktar sabiħ u pajjiż li jkun iktar ambizzjuż u tgħidli soċjetà aktar ġusta xi tfisser, xi frażi teoritika? Le. Soċjetà aktar ġusta tfisser li toffri iżjed opportunitajiet għal kulħadd, għaż-żgħażagħ tagħna, kwalità ta’ xogħol aħjar, income aħjar.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
F’intervista mal-ġurnalist t’esperjenza Saviour Balzan, li fiha semma miżuri ta’ investiment fin-nies, bħall-pakkett ta’ sebgħin miljun ewro li jinkludi ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa għall-ħaddiema u ċekk addizzjonali għall-familji u anki l-aħħar miżura li tħabbret il-Ħadd ta’ skema ta’ rifużjoni għal spejjeż marbuta ma’ mediċini tal-IVF li saru mill-bidu tas-sena, Dr Abela semma wkoll liż-żgħażagħ u l-laqgħat li jkollu magħhom.
“Titkellem dwar diversi suġġetti magħhom u l-perspettiva li jagħtuk u l-mod kemm tant nitgħallem mingħandhom u għalhekk niltaqa’ spiss maż-żgħażagħ tagħna hija xi ħaġa li verament taffaxxinak u għalhekk ma nitkellimx dwar iż-żgħażagħ bħala l-mexxejja ta’ għada, iż-żgħażagħ huma l-mexxejja tal-lum u għalhekk aħna kellna l-kuraġġ li naqqasna l-età tal-vot għal 16-il sena għaliex irridu li ż-żgħażagħ jipparteċipaw magħna, ikunu katina magħna fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Quddiem anki rapport tal-Kummissjoni Ewropea, li juri li din is-sena Malta se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea u li l-ekonomija f’Malta mistennija tikber b’darba u nofs iżjed mill-medja Ewropea, il-Prim Ministru semma l-ħtieġa ta’ proċess edukattiv li jibqa’ għaddej, dak magħruf bħala t-tagħlim tul il-ħajja.
Dan sabiex kulħadd jibqa’ jkollu opportunitajiet ta’ xogħol aħjar.
Filwaqt li tenna li f’elezzjoni ġenerali, il-partiti jitilqu xejn b’xejn, tkellem dwar il-vera sondaġġi li jkollu, il-laqgħat man-nies, bħal ma kellu fl-aħħar jiem fis-suq tal-Birgu.
Hawn qal li sema’ l-affarijiet pożittivi u l-isfidi tan-nies, li mbagħad fuqhom jaħdem biex jiddeċiedi u bid-deċiżjonijiet li jieħu, isarrafhom f’ġid għal kulħadd.
“Il-pensjonanti li jitkellmu miegħek dwar il-mod kif iż-żidiet konsistenti li tajna sena wara sena mill-2013 ’il quddiem affettwaw b’mod pożittiv il-kwalità tal-ħajja tagħhom. Tisma’ wkoll ilmenti, realtajiet li kultant tkun konxju tagħhom u dak li tisma’ mingħand in-nies. U dawk huma l-vera sondaġġi mbagħad meta tirritorna hawnhekk, fl-uffiċċju, ix-xogħol tiegħek ikun li inti taħdem fuq dak li jkunu qalulek in-nies, fejn hu tajjeb tkompli ttejbu u fejn in-nies jindikawlek fejn hemm di-effiċjenzi jew affarijiet li jistgħu jsiru aħjar, trid tpoġġi l-enerġija kollha tiegħek, tiffoka u tindirzza dawk ir-realtajiet tan-nies.”
Il-Prim Ministru Robert Abela