Id-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis bagħtna nistaqsu lil Bernard Grech għaliex għandu jkeċċih.
Dan wara li l-gazzetta KullĦadd kixfet li Ellis fil-Parlament għamel pressjoni fuq proġett infrastrutturali, li għandu interess fih bil-moħbi.
Dan hekk kif filwaqt li kien staqsa fil-Parlament b’tali mod li għamel pressjoni sabiex jinfluwenza r-rata li bih jimxi x-xogħol fuq il-proġett tal-Gvern f’toroq f’Għajnsielem u limiti tan-Nadur, il-kumpanija tiegħu bil-moħbi kienet qiegħed tipprovdi kwantità ta’ materjal tal-kostruzzjoni għall-istess proġett.
Rapport fil-gazzetta Illum kien irrapporta kif Joe Ellis rrifjuta li jirriżenja minkejja l-biża’ li jiġu żvelati aktar dellijiet dwar l-operat tiegħu iżda barra l-Parlament, Ellis bagħtna nistaqsu lil Bernard Grech meta mistoqsi jekk il-Kap iridx ikeċċih.
Colin Deguara: “Għaliex Bernard Grech irid ikeċċik?”
Joe Ellis: “Dik staqsiha lilu hux.”
Meta mistoqsi direttament jekk għandux jirriżenja Ellis sostna li ma jħossx li għandu jwarrab.
Colin Deguara: “M’għandekx tirriżenja Dr Ellis?”
Joe Ellis: “Kieku għandi għaliex nirriżenja kieku diġa rriżenjajt.”
Colin Deguara: “Jiġifieri m’għandekx għaliex?”
Joe Ellis: “Le m’għandix għaliex.”
Id-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis imbagħad ikkonferma li l-kumpanija tiegħu gawdiet mill-proġett u filwaqt li fil-Parlament ukoll ammetta li gawda iżda ma kienx jaf, ma’ ONE News barra l-Parlament reġa’ kkonferma li għamel barter bil-briks mal-kuntrattur tal-proġetti li għamel pressjoni fuqhom u li Ellis kellu d-dejn miegħu.
Colin Deguara: “M’hu vera xejn jekk rawha n-nies, live, il-parlament għandu l-istazzjon tiegħu, kulħadd jarah.”
Joe Ellis: “Ħa ngħidlek ħaġa, il-barter jagħmlu kulħadd okay? Li ġara hu li sar bl-iktar mod… bl-iktar mod li huwa kummerċjalment aċċettabbli hux. Min kien qed jissupplixxi ż-żrar u r-ramel ħa l-briks mingħandna.”