Id-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis ammetta li l-kumpanija tiegħu gawdiet minn proġett infrastrutturali li sar f’Għawdex u li fuqu għamel pressjoni fil-Parlament.
Kienet il-gazzetta KullĦadd, li kienet żvelat kif filwaqt li fil-Parlament Ellis kien qed jagħmel pressjoni b’tali mod li jinfluwenza r-rata li bih jimxi x-xogħol fuq il-proġett tal-Gvern f’toroq f’Għajnsielem u limiti tan-Nadur, il-kumpanija tiegħu bil-moħbi kienet qiegħda tipprovdi kwantità ta’ materjal tal-kostruzzjoni għall-istess proġett.
Fil-Parlament it-Tnejn filgħaxija, Ellis ikkonferma li gawda iżda qal li ma kienx jaf b’dan.
“Jiena la kont naf min hu l-kuntrattur u la kont naf li dan il-kuntrattur qed jieħu xogħol mingħand il-kumpanija tal-familja tiegħi.”
Fil-Parlament Ellis baqa’ jgħajjat, bl-Ispeaker kien kostrett iwiddbu hekk kif id-Deputat Nazzjonalista baqa’ jinterrompi s-seduta tal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Il-Ħadd il-gazzetta Illum ikkonfermat stejjer irrappurtati l-ewwel mill-gazzetta KullĦadd, li hemm problemi fid-Dar Ċentrali bid-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis.
Jirriżulta li l-kumpanija Gozo Concrete Products Ltd, li Ellis jmexxi ma’ ħutu għandha tagħti ammont konsiderevoli ta’ flus lil diversi kuntratturi Għawdxin.
Għaldaqstant il-kumpanija t’Ellis qiegħda taqta’ d-dejn li għandha billi tpartat materjali li tipproduċi, inkluż il-briks.
Fil-fatt il-gazzetta KullĦadd, li magħha issa kompliet il-gazzetta Illum, kienet irrappurtat kif il-kumpanija ta’ Ellis issupplixxiet madwar 50,000 briksa lill-kuntrattur ewlieni li rebaħ is-sejħa tal-offerti, għall-proġett kbir li jmiss mal-konfini ta’ Għajnsielem u n-Nadur.
Il-valur ta’ dan il-briks hu stmat li jiswa madwar €50,000.
Dwar Ellis qamu dubji kbar ukoll dwar l-operat tiegħu hekk kif il-KullĦadd kienet irrappurtat ukoll kif il-ħaddiema fil-kumpanija ta’ Joe Ellis ta’ spiss kienu mċaħħda minn dak li huwa dovut lilhom fil-ħin.
Dan hekk kif ħaddiema kienu baqgħu ma tħallsux il-ħlas ta’ Diċembru, li kien ukoll jinkludi l-bonus statutorju tal-Gvern.
Ħaddiema li kienu tkellmu mal-KullĦadd, kienu qalu li jinsabu mxebbgħin bis-sitwazzjoni iżda jinsabu fuq kuntratt definit ta’ xogħol għal tliet snin u Ellis rabathom li jekk itemmu dan il-kuntratt jistgħu jkunu obbligati li jħallsu penali.
Quddiem dan kollu, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech baqa’ jiddefendi lill-Avukat tal-għaqda Repubblika.
Ġurnalist: “Komdu int imma b’Deputat li jikkritika proġett u fl-istess ħin ikollu interess fih?”
Bernard Grech: “Xogħlu huwa li jikkritika.”