Janice Bartolo hija l-editur ta’ dan in-newsportal, li issa ilu magħna minn Mejju. Staqsejna fuq ir-riżoluzzjonijiet li għamlet għall-ewwel tas-sena.
1.X’taħseb fuq ir-riżoluzzjonijiet?
Jiena naħseb illi dejjem hija xi ħaġa tajba li wieħed jiddeċiedi kif se jtejjeb lilu nnifsu. Issa vera, min iżommhom, min le, ir-rieda hemm tkun u l-fatt li jkun hemm ir-rieda jagħmel ir-reżoluzzjoni xi ħaġa tajba.
2.Żammejt mar-riżoluzzjonijiet li għamilt fil-bidu tal-2016?
Ngħidlek il-verità qas biss niftakar x’kienu imma dejjem nipprova nagħmel reżoluzzjonijiet mal-medda taż-żmien, jiġifieri tiġri xi ħaġa fil-ħajja li ssib ruħek f’sitwazzjoni partikolari u tagħmel reżoluzzjoni biex inti dejjem tkun aħjar f’dik is-sitwazzjoni. Issa, tul is-sena min jaf kemm għamilt reżoluzzjonijiet. F’xi punti ta’ ħajti rnexxejt, f’xi punti oħra nixtieq inkompli naħdem u dik hi l-ħajja. Diment li nagħraf illi għad fadalli xi ntejjeb inħoss li qiegħda fit-triq it-tajba.
3.X’riżoluzzjonijiet se tagħmel għas-sena 2017?
Jiena x-xogħol tiegħi inbidel ħafna din is-sena, imbidel drastikament għax aktar milli naħdem fuq it-televiżjoni, issa qed naħdem onlajn. L-ewwel reżoluzzjoni hija li l-prodott onlajn ikompli jitjieb. Diġà tjiebna ħafna fi ftit żmien. Issa nixtieq illi nimxu għall-istadju li nkomplu ntejbu, inkunu bl-aħbar mill-ewwel u nkunu fost l-aqwa li hawn fil-pajjiż bħalissa. Fuq livell personali, il-fatt li x-xogħol żdied b’mod drastiku jibqa’ sfida ukoll biex insib bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol. Dik hija importantissima u xi kultant nittraskuraha, ħaġa li nixtieq intejjeb. Barra minn hekk fejn tidħol is-soċjetà nixtieq li nwassal messaġġ, speċjalment issa li għandi l-għodda tal-onlajn, biex forsi naraw xena politika daqsxejn inqas aggressiva u jasal il-messaġġ li diskors ta’ mibegħda, dak li ngħidulu hate speech, ma jibqax xi ħaġa aċċettata fis-soċjetà tagħna. Din hija xi ħaġa li verament nixtieq naħdem fuqha għas-sena l-ġdida biex almenu n-nies ikunu konxji li dik hija xi ħaġa ħażina, ġejja minn fejn ġejja, diskors ta’ mibegħda mhux aċċettabbli.