“Ma stajniex nħallu dan il-każ jgħaddi mingħajr ma ngħaddu messaġġ qawwi. Messaġġ li din mhux soċjetà li rridu. Messaġġ li dak li ġara din is-soċjetà mhux se tittollerah.”
Hekk beda d-diskors tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela waqt id-diskors parlamentari tiegħu waqt id-dibattitu li qed issir dwar emendi fil-kodiċi kriminali biex jiġi introdott il-kunċett tal-femiċidju wara l-mewt ta’ Paulina Maria Dembska.
Dr Abela rrimarka kif huwa konxju bil-bidliet li saru fl-aħħar snin biex tiġi miġġielda l-pjaga tal-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Dan fost oħrajn bl-introduzzjoni tal-Maġistrat iddedikat għal każijiet marbuta ma’ vjolenza domestika flimkien ma’ assistenza legali b’xejn għall-vittmi u l-introduzzjoni tal-aġenzija għall-vittmi tal-kriminalità.
Madankollu l-Prim Ministru tenna li dan xorta baqa’ mhux biżżejjed speċjalment bl-iżviluppi fil-każ ta’ omiċidju ta’ Dembska. B’hekk huwa spjega kif il-Gvern embarka fuq diskussjoni estensiva mal-imsieħba nvoluti f’dan is-settur.
“Fil-fatt qegħdin hawnhekk illum biex fi żmien qasir ressaqna dawn l-emendi importanti għaliex umbagħad irridu nkunu aħna bħala Gvern, irridu nkunu aħna bħala Paralment li minn tal-ewwel nibgħatu messaġġ li l-qtil abbażi tal-ġeneru f’pajjiżna mhux se jiġi ttollerrat. Ma stajniex inħallu l-qtil ta’ Paulina Dembska u l-qtil ta’ oħrajn jgħaddu qisu xejn ma hu xejn.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka l-karatteristiċi ta’ dawn l-emendi f’din il-liġi hekk kif tenna li r-reat prinċipali jibqa’ l-omiċidju jew l-attentat ta’ omiċidju.
Reat li jġorr piena ta’ għomor il-ħabs.
Madankollu hawn Dr Abela spjega d-diskrezzjoni tal-Imħallef wara l-verdett tal-ġuri f’każ ta’ ċirkostanzi ta’ femiċidju.
“X’inkunu qed ngħidu b’din il-liġi? Qed ngħidu li meta jirriżulta li l-qtil jew l-attentat ta’ qtil ikun wieħed ta’ femiċidju, mela jkun sar minħabba li l-vittma tkun mara, hemmhekk dak il-fatt tal-femiċidju jkun jimmilita kontra li l-Imħallef jagħti piena inqas ħarxa.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
It-tieni emenda sostanzjali tikkonċerna li f’każijiet ta’ femiċidju dan ma jistax jitqies omiċidju skużabbli. Dawn iż-żewġ emendi se jkunu qed jgħoddu wkoll f’każijiet ta’ attentat ta’ omiċidju u mhux omiċidju biss.
Il-Prim Ministru saħaq wkoll li dawn il-bidliet ma jfissrux is-soluzzjoni ta’ kollox. Saħaq li x-xogħol irid jibqa’ jsir madankollu jekk xejn dawn l-emendi juru l-kuraġġ tal-Gvern, li jkompli jbiddel.
“Bidla kuraġġjuża li tagħti l-kuraġġ lil kull min sa llum beża’ jitkellem. Beża’ jersaq lejn is-servizzi li hawn disponibbli jew ħassu waħdu jiġġieled din il-ġlieda diffiċli. L-appell tiegħi huwa dan: Illum bgħatna sinjal lil min qed ibgħati fis-skiet li aħna hawn spalla għalikom. Ersqu ’l quddiem u itolbu l-għajnuna. Tħallux li jasal il-mument meta jkun tard wisq.”
Il-Prim Ministru Robert Abela