L-Ispettur mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil ta’ Flus Ian Camilleri xehed li Matthew Pace u Lorraine Falzon, eks Diretturi ta’ Zenith Finance ma għamlu l-ebda gwadann finanzjarju personali mill-allegat attività kriminali marbuta ma’ ħasil ta’ flus.
“Xejn, ma kien hemm l-ebda flus li ttieħdu għalihom”, xehed l-Ispettur għall-mistoqsijiet tal-Avukat Difensur Edward Gatt.
L-Avukat staqsa wkoll jekk l-Ispettur kienx jaf dwar dan il-fatt mill-bidu u l-Ispettur wieġeb fl-affermattiv.
Fil-Qorti ngħad li l-Ispettur ma kellux f’idejh it-talba għall-iffriżar tal-assi personali tal-akkużati hekk kif l-Avukat staqsa għaliex ġew friżati l-assi tal-klijenti tiegħu meta dawn ma gwadanjaw xejn mill-allegat ħasil ta’ flus.
Wara x-xhieda tal-Ispettur, il-Maġistat Donatella Frendo Dimech irringrazzjatu għall-onestà li wera.