F’attività politika f’Ħal Tarxien il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-Partit Nazzjonalista huwa partit ankrat fil-passat b’Kap inkosistenti fid-deċiżjonijiet u l-pożizzjonijiet li jieħu.
Dan b’differenza ma’ Partit Laburista fil-Gvern li jemmen fin-nies u jieħu d-deċiżjonijiet iebsin f’waqthom sabiex il-pajjiż jibqa’ jimxi ’l quddiem.
Quddiem folla mdaqqsa li attendiet għall-attività politika li tmexxiet skont il-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa, il-Prim Ministru ġab diversi eżempji tal-inkonsistenza ta’ Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech.
Fost oħrajn semma l-liġi dwar l-użu responsabbli tal-Kannabis li l-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jekk se jmexxi l-pajjiż huwa se jibdilha.
Hawn il-Prim Ministru tenna, “Tafu xi tfisser din? Tfisser li se jżarmaha għax tinsewx li fil-Parlament tkellmu kemm felħu kontra din il-liġi. Ifisser li jridu jerġgħu jixħtuna lura. Imbagħad nerġa’ nfakkarkom x’qalu fil-Parlament. Xejn ma sabulha tajjeb din il-liġi madankollu ħaġa nesew li ftit tal-jiem qabel konnha sraqna l-proposta tagħhom.”
Dr Abela tkellem ukoll dwar l-inkonsistenza tal-Partit Nazzjonalista fuq l-iskema taċ-Ċittadinanza b’Investiment. Skema li ġabet ġid kbir f’pajjiżna u sfat utli ħafna anke waqt pandemija.
Il-Prim Ministru tenna li anke hawn Bernard Grech huwa miġbud bl-ispag u ma jistax jiddeċiedi. Dan hekk kif filwaqt li fil-pubbliku kritika kemm felaħ din l-iskema, f’laqgħa mal-Prim Ministru beda jfaħħarha.
Dr Abela tenna, “Beda jitkellem favur din l-iskema iktar milli kull wieħed u waħda minnha qatt tkellem favuriha. Eloġju għamel dwar din l-iskema. Qed nara l-Byron jitbissem għax inzerta kien miegħi dakinhar. Lanqas stajna nemmnu dak li bdejna nisimgħu.”
Madankollu l-Prim Ministru tenna kif il-folja reġgħet inqalbet ta’ taħt fuq ftit jiem wara meta kien hemm bżonn jiġi diskuss ir-regolatur ta’ din l-iskema.
Qal, “Weġibni lura u weġibni lura bil-kitba wkoll. Tafu x’weġibni? Bgħatli lura u qalli li ma riedx jieħu sehem dwar il-ħatra tar-regolatur. “Ma rridx immiss magħha,” qalli dwar il-ħatra tar-regolatur u tafu għaliex qal li ma jridx jieħu sehem u kitibha din bl-iswed fuq l-abjad. Għax kiteb li din l-iskema tagħmel ħsara lil pajjiżna.”
Huwa għalhekk li Dr Abela spjega li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech huwa distruttiv filwaqt li jżomm sieq naħa u sieq oħra biex jipprova jintogħġob ma’ kullħadd.
Il-Prim Ministru rrimarka kif dan it-tfixkil intiż biex iħarbat il-ħidma tal-Gvern madankollu dan mhux Gvern li se jiġi sfukat.
Abela stqarr, “Sħabi u jien ċari fil-ħsieb tagħna. La sfukajtuna fl-aktar mumenti diffiċli li kellna ftit aktar minn sentejn ilu, la sfukajtuna waqt pandemija u wisq inqas se tisfukawna fiż-żmien sabiħ li ġej għal pajjiżna.”