Għal Ħadd ieħor, Bernard Grech għamel diskors politiku li fih penġa dak kollu f’Malta bħala ħażin.
F’Ħal Safi, jiem wara rapport tal-Kummissjoni Ewropea, li wera li din is-sena pajjiżna se jkollu l-akbar tkabbir ekonomiku fost l-istati membri kollha, il-Kap tal-Oppożizzjoni qabbel lil Malta ma’ lukanda b’rating ħażin.
Il-Kap Nazzjonalista tenna, “Qisek int mort biex tibbukja hotel, fuq xi website internazzjonali, u ssib xeba reviews ħżiena. Cleanliness 6. Comfort 5. Worth tal-flus li ħa tonfoq 5. Inti tmur hemm?
Il-Kap Nazzjonalista kompla bil-messaġġ negattiv fuq Malta u qal li l-pajjiż għad m’għandux unur li jixraqlu u għalhekk jeħtieġ li hu jsir Prim Ministru.
Kompla, “Ħalli jerġa’ jkollu l-unur li jixraqlu hu.”
Fid-diskors tiegħu, ġimgħa wara li l-Prim Ministru ħabbar li se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss fuq il-ħames distrett, Grech fakkar li anke hu se jikkontesta l-ħames distrett.
Stqarr, “Waqt li qiegħed hawn, quddiemkom , fostkom, fil-ħames distrett, u waqt li qiegħed hawn anke bħala kandidat fuq dan id-distrett.”
Grech infexx f’attakk fuq il-Prim Ministru Malti filwaqt li tenna li jrid ikun fil-Gvern.
Hawnhekk qal, “Mela immaġinaw l-aħwa x’nistgħu nagħmlu jekk inkunu fil-Gvern.”
Qabel id-diskors ta’ Grech, għal ġimgħa oħra reġa’ tkellem is-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista Michael Piccinino u qabel tkellem Adrian Delia, li għad-diskors tiegħu, Bernard Grech lanqas kien preżenti.