Il-Gvern ser ikunqed jagħti rifużjoni tal-ispiża tal-mediċina tal-IVF fil-forma ta’ għotja lil dawk il-koppji kollha li mill-ewwel ta’ Jannar ta’ din is-sena kienu għaddejin bil-proċess tal-IVF.
L-għotja se tkopri spejjeż li nħarġu mill-koppji minn Jannar ta’ din is-sena u ser tibqa fis-seħħ sa nofs Ġunju li ġej, fejn imbgħad mistennija jaslu l-mediċini li ser ikunu qed jingħataw b’xejn.
Ħabbar dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista waqt attività politika tal-Partit Laburista l-Ħadd filgħodu fejn fiha rrimarka l-ġid li wettaq u se jkompli jwettaq Gvern Laburista għal futur isbaħ għal pajjiżna.
Dwar il-qasam tal-IVF u l-miżura ta’ mediċini b’xejn, il-Prim Ministru tenna li l-Gvern wiegħed din il-miżura fil-Budget għal din is-sena u l-proċess miexi ġmielu. Madankollu Dr Abela qal li jifhem li għal kull koppja li għandha bżonn dawn il-mediċini kull ġurnata hija importanti u għandhom bżonn dawn il-mediċini b’mod immedjat minkejja li jiswew eluf ta’ ewro.
Għalhekk tenna li din il-miżura ta’ rifużjoni sa meta jaslu l-mediċini f’nofs Ġunju se tkun qed tidħol b’mod immedjat.
Il-Prim Ministru stqarr, “La darba tajna l-kelma fil-Budget li l-mediċini tal-IVF se jkunu bla ħlas. Hekk se jsir. Se naraw li min għandu bżonn ma jistenniex aktar u dan il-piż finanzjarju tal-mediċini tal-IVF se nerfgħuh aħna wkoll.”
Dr Abela spjega wkoll kif din il-miżura tikkumplimenta l-ħidma ta’ Gvern Laburista li wasslet għal tibdil fil-liġi tal-IVF biex illum qed jingħataw servizzi ta’ kwalità mingħajr ħlas. Dan minkejja li kien hemm forzi tal-Partit Nazzjonalista li rreżistew din il-bidla.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela kompla jispjega kif il-Gvern għadu kif għalaq ġimgħa ta’ ħidma kbira għall-kuntrarju ta’ Oppożizzjoni li mehdija biss fil-partiġġjaniżmu, l-ispekulazzjoni u l-attakki personali.
Hawnhekk il-Prim Ministru fost oħrajn tkellem ukoll dwar l-inawgurazzjoni taċ-ċentru tad-distribuzzjoni tal-fjuwil tal-aqwa teknoloġija f’Ħas-Saptan, is-summit fuq is-settur marittimu fi Brest, fi Franza, aktar riġenerazzjoni fil-housing estates, tlestija ta’ investiment fil-qasam tas-saħħa u aktar implimentazzjoni tal-miżuri tal-Budget.
Dwar din tal-aħħar, Dr Abela fakkar fl-għajdud li ħoloq l-Partit Nazzjonalista li se ssir elezzjoni f’Novembru b’riżultat li ħoloq inċertezza dwar l-implimentazzjoni tal-Budget.
Qal, “Aħna mhux biss approvajna l-Budget imma fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena implimentajna 7 minn kull 10 miżuri soċjali li ħabbarna fil-Budget u hekk se nibqgħu nagħmlu għax dak li nwegħdu nwettquh.”
Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka wkoll il-ħidma tal-Gvern b’rabta mal-irkupru ekonomiku minn pandemija li laqtet lid-dinja.
Stqarr, “Dan qalitu wkoll il-Kummissjoni Ewropea li fit-tbassir għal din is-sena l-esperti tagħha tkellmu dwar kif l-ekonomija tagħna, l-ekonomija ta’ Malta se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea kollha.”
Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu f’din l-attività politika billi sostna li meta jasal il-mument tal-għażla dan il-Gvern se jmur sod bl-ideat quddiem il-familji Maltin u Għawdxin u b’hekk se jassigura li fiż-żmien li ġej dan il-Gvern se jibqa’ joffri pjan għal futur mill-isbaħ.
Tenna, “Aħna rridu nirbħu l-fiduċja tan-nies mhux għax ħaddieħor ħażin imma għax aħna tajbin u għandna pjan għall-futur. Aħna rridu nirbħu l-fiduċja tan-nies mhux għax ħaddieħor maqsum f’mitt biċċa imma għaliex aħna magħqudin. Aħna rridu nirbħu l-fiduċja tan-nies mhux għax ħaddieħor mehdi fil-passat iżda għaliex aħna kapaċi noffru viżjoni u futur isbaħ għall-Għawdxin u l-Maltin.”