Il-Partit Nazzjonalista tant jinsab politikament iddisprat u mehdi fil-politika tal-passat, li spiċċa jivvinta gidba dwar it-tnaqqis fit-taxxa.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista fakkar li dan it-tnaqqis beda jingħata lin-nies fl-elfejn u sittax, f’miżura li kienet saret biex aktar nies gawdew mir-roħs fit-taxxa, wara li l-Gvern kien diġà implimenta l-wegħdi li l-Partit Nazzjonalista ma wettaqx.
Biż-żewġ miżuri f’daqqa, kulħadd beda jgawdi minn traħħis fit-taxxa u eventwalment, beda jingħata wkoll ċekk ta’ rifużjoni biex in-nies jibqagħlhom aktar flus fil-but.
Min illum jaqla’ ħamsa u għoxrin elf u jagħmel dikjarazzjoni singola, qed jibqagħlu sitt mija u ħamsa u erbgħin ewro fil-but, ħames mija u sittin ewro jekk ġenitur u mitejn u tletin ewro jekk tkun komputazzjoni ta’ miżżewġin. Dan meta mqabbel mal-elfejn u tnax.
Min jaqla’ tletin elf ewro, għandu elf, mija u ħamsa u erbgħin ewro f’inqas piż ta’ taxxa jekk jagħmel dikjarazzjoni singola, elf u sittin ewro jekk hu ġenitur u mitejn u erbgħin ewro jekk tkun komputazzjoni miżżewġa.
Iktar minn hekk, ġenitur li kien jaqla’ għaxart elef ewro fl-elfejn u tnax kien iħallas mija u ħames ewro. Illum dawn in-nies ma jħallsu ebda income tax u jieħdu ċekk ta’ mija u ħamsa u tletin ewro, li jfisser li marru mitejn u erbgħin ewro aħjar mit-taxxa biss.
Dawn l-eżempji ngħataw fl-istqarrija tal-Partit Laburista, li fakkar kif il-Gvern ħalla aktar flus fil-but u allura din hija prova oħra tal-gideb tal-Partit Nazzjonalista.
L-istqarrija kompliet tgħid li l-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ juża l-politika tal-passat kif għamel sal-ġimgħa l-oħra, meta l-Gvern reġa’ wera li hu man-nies u se jħalli sebgħin miljun ewro oħra fil-bwiet tan-nies bl-inizjattiva tat-tax refund u ċ-ċekk addizjonali.