Is-Sibt filgħodu tħabbru għadd ta’ attivitajiet innovattivi mmirati għal anzjani li jgħixu fil-komunità.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia li spjega kif tfasslu attivitajiet li kapaċi jinteressaw aktar l-irġiel, għall-fatt li jonqsu milli jipparteċipaw f’attivitajiet soċjali.
Fil-fatt, in-nuqqas ta’ interess mill-irġiel ħareġ fi stħarriġ li sar fost iktar minn erba’ mija u tmenin raġel li għandhom sittin sena biex tinġabar informazzjoni dwar il-preferenzi għall-parteċipazzjoni soċjali mill-irġiel.
Ir-riżultat ġie użat biex jitfassal dan il-programm ta’ attivitajiet, li jinkludi żjarat fil-Mużew Malti tal-Avjazzjoni, taħdita dwar l-istorja tal-Belt Kapitali, żjara fit-Torri l-Aħmar u taħdita dwar il-proċess ta’ kif isir l-inbid.
L-attivitajiet huma mmirati għal l-anzjani li jixtiequ jiltaqgħu ma’ anzjani oħra, isiru jafu iżjed fuq suġġetti varji u jżuru postijiet ta’ interess.
Waqt it-tnedija ta’ dan il-proġett pilota, il-Ministru Michael Farrugia spjega li din l-inizjattiva hija miftuħa għall-anzjani li joqgħodu fir-reġjun tat-tramuntana u jekk dan il-programm ikun suċċess, jinfirex f’aktar reġjuni.
Il-Ministru Farrugia rrimarka, “Dawn l-attivitajiet huma b’xejn, trasport b’xejn fejn l-anzjani jistgħu jittellgħu, imorru fil-post ta’ interess u anke jeħduhom lura. Kull ħmistax se ikun hemm taħdita jew inkella żjara kulturali.”
Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jara l-programm mis-sit activeageing.gov.mt jew iċempel fuq 21650940.
L-applikazzjoniijet jagħlqu ġimgħa qabel kull attività.