‘The Victor Calvagna Child Volunteer of the Year’
Waqt attività mtella’ fil-Kwartieri tal-Fgura United Football Club, il-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji Jesmond Saliba nieda dan il-premju annwali li ser jippremja tfal li għandhom bejn is-6 u t-12 -il sena għall-ħidma tagħhom fil-volontarjat.
Il-Kummissarju Jesmond Saliba stqarr li l-kirurgu Victor Calvagna, tul ħajtu serva ta’ ispirazzjoni għal min jaħdem qatigħ fil-volontarjat.
Għaldaqstant Saliba rrimarka li kull min jaħdem fil-volontarjat f’pajjiżna jirrikonoxxi l-ħidma, l- impenn, il-qalb u dak kollu li intiseġ ma’ ħajjet Dr Calvagna fil-ħidma tiegħu. B’hekk dan il-premju ser jibqa’ jiċċelebra lil Calvagna ta’ kull sena.
Intant, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Matthew Vella spjega kif dan il-premju ser ikun qed jgħaqqad l-aspett volontarju ma’ dak edukattiv.
Waqt l-attività tkellmet ukoll Martina Fenech li raddet ħajr lil Dr Calvagna għaliex li kieku ma kienx għall-ħidma u d-dedikazzjoni li wera l-kirurgu tul il-karriera tiegħu, kieku hi ma kienitx tkun preżenti.
B’hekk hi sostniet li dan ir-rikonoxximent se jispira lill-ġenituri biex jinkludu lil uliedhom fis-settur tal-volontarjat.
Dan l-unur ser ikun qed jingħata bħala parti mill-Awards li l-Kunsill Malti tal-Volontarjat jagħti kull sena biex jiċċelebra il-volontarjat.