Għaddejjin ġmielhom ix-xogħlijiet bi preparazzjoni għal attività politika oħra li ser tkun indirizzatha mill-Prim Ministru Robert Abela fi Triq Joseph Burlo, Ħal Tarxien nhar il-Ħadd 13 ta’ Frar fl-għaxra ta’ filgħodu.
B’rabta ma’ dan ONE News tkellem mas-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Laburista, William Lewis li nnota kif f’din il-laqgħa politika il-Mexxej Laburista ser ikun qiegħed ikompli jaqsam il-viżjoni ta’ pajjiżna.
“Hemmhekk il-Prim Ministru ħa jkun qed jagħti diskors importanti li ħa jkompli juri l-viżjoni ta’ dan il-pajjiż u ta’ dan il-Partit.”
Il-Perit Lewis żied jispjega kif dawn l-attivitajiet dejjem qed jittellgħu id f’id mal-protokolli maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Għaldaqstant, filwaqt li ħeġġeġ biex kull min hu nteressat jirriserva post minn qabel, tkun imħarsa wkoll is-saħħa ta’ kulħadd.
Huwa nnota kif kull min ser ikun preżenti jrid juri ċ-ċertifikat tal-vaċċin li jindika li jkun ħa d-doża tal-booster.
“Qed isir kollox skont il-protokolli tas-saħħa. Dawk kollha li ħa jattendu jridu jkunu bil-vaċċin u bil-booster tal-Covid-19 u ovvjament ħa jkunu anke f’bubbles skont ir-regolamenti li hemm bħalissa. Għaldaqstant, dawk kollha li jridu jattendu jridu jċemplu iċ-Ċentru Nazzjonali biex jibbukkjaw post. Ovvjament fadal ftit postijiet iġifieri dawk kollha li għadhom ma bbukkjawx importanti li jaħsbu kmieni.”
Sabiex jirriserva post wieħed għandu jagħmel kuntatt maċ-Ċentru Nazzjonali Laburista permezz tan-numru tat-telefon 21249900.