L-għada li l-Kummissjoni Ewropea ħarġet tbassir li pajjiżna ser ikollu l-ikbar tkabbir ekonomiku mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea din is-sena, il-Partit Nazzjonalista injorah għal kollox u minflok għamel konferenza tal-aħbarijiet dwar is-settur ekonomiku ta’ pajjiżna u reħielha jpinġi kollox iswed.
Permezz tal-kelliem tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius u l-kandidat Graham Bencini reħewlha jtennu l-kantaliena tad-dlamijiet.
Filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea qalet li d-deċiżjoni tal-FATF, b’rabta mal-proċedura ta’ moniteraġġ fuq Malta, qed tħalli effetti limitati, l-Partit Nazzjonalista reħilha jkompli jtenni li l-ekonomija Maltija għandha problemi kbar.
Il-kandiat Graham Bencini spiċċa jtenni li l-Partit Nazzjonalista għandu trackrecord b’saħħtu u li bil-Partit Nazzjonalista fil-Gvern u Bernard Grech Prim Ministru, il-kisbiet ikunu akbar.
“Aħna għandna track record ta’ kredibilità u reputazzjoni tajba.”
Hekk kif Graham ipprova jibni l-immaġini li fi żmien Gvern Nazzjonalista l-ekonomija ta’ pajjiżna kienet miexja fuq ir-rubini ma stajniex ma nfakkruhx li fit-track record ekonomiku ta’ Gvern Nazzjonalista hemm żmien li fih pajjiżna ġie ġġamjat fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv.
Tebgħa fl-istorja ekonomika ta’ pajjiżna li faqgħet il-bużżieqa li ppruvaw jibnu l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista u li minflok wieġbu dwarha, evidentament skomdi daru fuq il-ġurnalista mill-kamra tal-aħbarijiet tagħhom sabiex jaħarbu l-mistoqsija.
Graham Bencini: “Nistgħu nmorru ferm u ferm aħjar.”
Ġurnalist: “In-nies ma nesietx snin ta’ Gvern Nazzjonalista. Qed tkun selettiv anke hawnhekk, l-aħħar snin ta’ Gvern Nazzjonalista kellu proċedura ta’ defiċit eċċessiv le?”