L-aħbar li s-Santa Sede fejn ikkonfermat b’mod uffiċjali li l-Papa Franġisku mistenni jżur il-gżejjer Maltin f’April li ġej, intlaqgħet b’mod tajjeb ħafna.
Mumenti wara li fil-quddies Pontifikali fil-Knisja ddedikata lil San Pawl Nawfragu tħabbret l-aħbar, bosta kienu dawk li esprimew l-entużjażmu tagħhom għal din iż-żjara tant sinifikanti għal pajjiżna.
Fost dawk li tkellmu magħna, kien hemm l-ambaxxur Malti għall-Vatikan, Frank Zammit hekk kif tenna li din it-tħabbira mistennija ġġib sensazzjoni ta’ ferħ għal poplu Malti.
“Hija sensazzjoni ta’ ferħ kbir li l-Kap tal-Knisja Kattolika jagħżel li jiġi fil-pajjiż tagħna huwa mument ta’ festa u li jġib għaqda u li jġib briju u ferħ.”
Frank Zammit, Ambaxxatur Malti għall-Vatikan
Oħrajn qalulna kif din l-aħbar kienet mistennija wara li ż-żjara kienet posposta sentejn ilu minħabba l-imxija.
Papa Franġisku mistenni jżur Malta ben it-tnejn u t-tlieta ta’ April. Fiż-żjara tiegħu huwa se jkun qed iżur il-Belt Valletta, ir-Rabat, il-Furjana, Ħal Far u l-gżira Għawdxija.
Din se tkun ir-raba’ żjara uffiċjali ta’ Kap tal-Knisja f’pajjiżna wara li l-Papa Ġwanni Pawlu II żar Malta fl-1990 u fl-2001 u s-suċċessur tiegħu l-Papa Benedittu XVI żar Malta fl-2010.