Wade Cini ta’ 32 sena minn Ħaż-Żebbuġ tilef appell li huwa għamel dwar multa ta’ ħamest’elef ewro li kien weħel wara li ħebb għal surġent tal-Pulizija.
Fil-Qorti, Cini kien mixli li fit-3 ta’ Diċembru ta’ sentejn ilu attakka surġent tal-Pulizija kif ukoll talli heddu u ta informazzjoni falza dwaru.
L-imputat wieġeb mhux ħati li ta informazzjoni falza, madanakollu ammetta l-akkużi li ħebb għall-Pulizija.
Huwa ddeċieda li japella d-deċiżjoni tal-Qorti li kienet sabitu ħati għaliex il-multa skontu kienet għolja ħafna.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, spjegat li Cini seta’ weħel sentenza ta’ priġunerija kif ukoll multa ta’ bejn it-tmien mitt u l-ħamest’elef ewro.
B’hekk il-Qorti kkonkludiet li l-multa kienet ingħatat skont il-liġi u rrifjutat l-appell.