L-ewwel ta’ Jannar. Bidu ta’ sena ġdida, riżoluzzjonijiet u impenji ġodda. Iżda, dan huwa wkoll il-jum li fih jidħlu fis-seħħ għadd ta’ miżuri li jkunu mħabbra fil-baġit li jkun tressaq ftit tax-xhur qabel.
B’hekk f’dawn il-jiem jibdew isiru realtà dawk il-miżuri li kienu parti minn dak deskritt bħala l-iktar baġit soċjali f’ħafna snin.
Li ġejjin huma wħud mill-miżuri ewlenin li jidħlu fis-seħħ mhux biss f’dawn il-jiem, iżda anke tul il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Miżuri li fil-maġġoranza tagħhom għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Iktar dħul għal dawk bil-paga minima
Permezz ta’ numru ta’ riformi, u meta wieħed jieħu in konsiderazzjoni ż-żieda tal-għoli tal-ħajja, kull min qiegħed bil-paga minima se jiżdied mill-inqas b’€4 fil-ġimgħa, jew €208 fis-sena. Din iż-żieda se jerfagħha kollha l-Gvern.
Ir-riformi li se jagħtu dan ir-riżultat huma dawk li se jaraw żieda fl-għajnuna supplimentari li titħallas lill-ħaddiema miżżewġin bi dħul baxx, iżda li m’għandhomx tfal taħt is-16-il sena u ma jiħdux children’s allowance. Se jitjiebu wkoll ir-rati ta’ dawk li jibbenefikaw mill-in-work benefit.