Il-festa pubblika ta’ San Pawl Nawfragu kienet iċċelebrata b’quddiesa Ponitfikali mill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna u kkonċelebrata mill-Kanonku David Cilia, fil-Knisja ta’ San Pawl, il-Belt Valletta.
Fl-omelija li l-Arċisqof Scicluna għamel spikkaw il-valuri tal-imħabba u radd il-ħajr meta spjega l-ħsieb wara din il-festa.
Qal, “Għan kbir ta’ din il-festa tant għażiża għalina hija propju li nroddu ħajr lil Alla tal-imħabba li wera magħna Pawlu ta’ Tarsu.”
Wara li nqara l-Evanġelju skont San Luqa li jirrakkonta ż-żjara li San Pawl għamel f’pajjiżna meta kien fi triqtu lejn Ruma, l-Arċisqof spjega s-sinifikat tal-miġja ta’ San Pawl f’Malta li żrat l-imħabba fil-Maltin lejn ir-reliġjon Kattolika.
L-Arċisqof semma wkoll il-karatteristiċi tal-Maltin bħala nies ospitabbli.
Fil-messaġġ tiegħu appella biex l-imħabba li żera’ San Pawl fil-poplu tagħna ma tintilifx.
Huwa qara silta minn sunett tal-Poeta Nazzjonali li Dun Karm Psaila kiteb mitt sena ilu dwar din il-festa.
Qal, “Int missierna Pawlu sraqt minn qalbek l-isbaħ xrara tan-nar l-aktar qawwija u laqqamt biha qlub missirjietna u ħadet it-tilqima kif ridt f’talbek, tħaltet ma’ demmna u mija wara mija rebħet is-snin u għadha nar bejnietna.”
Waqt l-omelija saret referenza għal dokument li kiteb il-Papa Franġisku fl-2016, li jaqsam ħsibijiet ċari dwar l-imħabba lejn xulxin.
L-Arċisqof għalaq l-omelija b’kitba ta’ Dun Karm Psaila.
Qal, “Malta u Pawlu min jifridhom? Ħadd jixduh iż-żminijiet, l-ebda qawwa ma taf tħollu dak li ntrabat fis-smewwiet. Viva San Pawl.”