Ingliż ta’ 21 sena li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti ġie akkużat li fost l-oħrajn hedded jew darab lil numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija, li wettaq danni fil-Lock-up, li kiser l-ordni pubblika u li m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija.
Kollox beda meta fil-lejl ta’ bejn it-tmienja u d-disgħa ta’ Frar, il-Pulizija ġiet infurmata li persuna kienet qed iddejjaq lil xi persuni bl-aġir tagħha. Meta l-Pulizija marru fuq il-post sabu lill-akkużat fis-sakra. Huwa pprova jaħrab iżda l-Pulizija rnexxielha tarrestah. L-aġir tiegħu baqa’ ma tjiebx hekk kif saħansitra fil-Lock up ta daqqa ta’ ras ġo tieqa tal-perspex.
Huwa kellu jittieħed l-isptar u wara ġie arrestat b’mandat t’arrrest mir-residenza li joqgħod fiha.
L-akkużat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Qorti ordnat li jsir rapport ta’ qabel is-sentenza minn probation officer u psikjatra forensiku, u ħarġet ordni ta’ trattament favur l-akkużat tul il-proċeduri.
L-akkużat ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet fosthom li jiffirma kuljum fl-għassa u li joħroġ biss bejn it-tmienja ta’ filgħodu u s-siegħa ta’ waranofsinhar.
Il-ħelsien mill-arrest ingħata fuq garanzija personali ta’ elf ewro.
Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace wissiet lill-akkużat sabiex ma jitlifx it-triq ta’ età daqshekk żgħira u nnutat li l-Qorti qed ittieh iċ-ċans li jirranġa ħajtu.
Is-sentenza ser tingħata fit-2 ta’ Marzu.