Ziam huwa tifel li fil-ħmistax ta’ Jannar se jagħlaq sentejn. Propju f’jum għeluq snienu, huwa se jkun fi triqtu lejn l-Ingilterra biex ikompli jieħu l-kura għal kundizzjoni li mhix daqshekk komuni bl-isem Griscelli Syndrome. Il-kundizzjoni, jekk ma tkunx ikkurata, tattakalu l-intern, u għalhekk kellu jitla l-Ingilterra biex jagħmel trapjant.
Meta ltqajna miegħu, Missier Ziam esprima l-gratitudni għall-għajnuna inkredibbli li sabu mill-Maltin. Sostna iżda li, sfortunatament, qatt m’hu biżżejjed, għax sakemm huma jkunu l-Ingilterra, f’Malta jkollhom kollox wieqaf.
Kien għal dan il-għan li għexieren ta’ residenti mill-Kalkara ingħaqdu flimkien u organizzaw għawma fil-Bajja tar-Rinella llum, fejn sfidaw il-baħar kiesaħ u għamlu din il-qabża. Id-donazzjonijiet se jmorru għall-familja ta’ Ziam.
Justin,missier Ziam, qalilna li l-ħajja mhix waħda faċli u fadlilhom tmienja u għoxrin darb’ oħra x’jitilgħu l-Ingilterra. B’dawn id-donazzjonijiet, il-familja ta’ Ziam se tnaqqas ftit mill-ispejjeż.