Matul din is-sena, aktar minn 400 familja li joqogħdu f’erbgħin blokka ta’ akkomodazzjoni soċjali madwar Malta se jkun qed isirilhom xogħol ta’ manutenzjoni fi blokok li jgħixu.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Roderick Galdes, quddiem il-blokok ta’ bini f’Ta’ Paris f’Birkirkara.
Quddiem l-istess blokok se jkun qed isir tisbiħ fost oħrajn.
Il-Ministru Galdes semma kif din is-sena hemm budget allokat ta’ 20 darba aktar minn kemm kien għaxar snin ilu.
Galdes stqarr, “L-ispiża, l-budget totali tal-manutenzzjoni minn għaxar snin ilu kien ta’ €200,000 fis-sena, illum żdied għal żewġ miljuni u nofs fis-sena. Dan ifisser ukoll li qed nagħmlu aktar xogħol, qegħdin nindukraw wkoll l-appartamenti u anke l-partijiet komuni tal-blokki tal-appartamenti.”
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni spjega kif matul din is-sena se jsir xogħol f’żewġ blokok fil-Belt, erba’ blokok f’Pembroke, tmienja fis-Siġġiewi, erba’ blokok f’Ħaż-Żabbar u erbgħa oħra fir-Rabat, tmien blokok f’Bormla u għaxar blokok f’Birkirkara.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid Mckay semma n-numru ta’ riformi li saru biex bosta saru sidien ta’ djarhom.
Dan filwaqt li f’bosta binjiet tal-akkomodazzjoni soċjali, fejn hu possibbli, jsiru lifts.
Fil-konferenza stampa, huwa tenna wkoll li issa jmiss li r-riġenerazzjoni fil-binjiet tmur pass ’il quddiem.
Mckay tenna, “Irid ikollna binjiet aktar energy efficient, fis-sens li jkollna proġetti li jmorru oltre minn sempliċiment li tirriġenera l-faċċata, imma tintroduċi anke mal-familji ċertu appliances illi huma wkoll energy efficient, li tintroduċi pannelli solari, li tintroduċi il-bjut li ma jassorbux sħana. Dawn huma proġetti li qed inħarsu lejhom u nisperaw li l-Awtorità tibda tinvesti kemm jista’ jkun malajr f’dawn it-tip ta’ proġetti.”