Luke John Milton ta’ ħamsa u għoxrin sena mir-Rabat ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie akkużat bil-ħtif ta’ Carlos Schembri nhar il-21 ta’ Jannar li għadda.
Quddiem il-Magistrat tal-Għassa Charmaine Galea, Milton ġie akkużat bi ħtif ta’ persuna, arrest illegali u serq.
Sa issa, b’rabta ma’ dan il-każ tressqu l-Qorti ħames persuni oħra, Christian Borg ta’ 28 sena, Thorne Mangion ta’ 27 sena, Tyson Grech ta’ 26 sena, Burton Azzopardi u Jeremy Borg, it-tnejn għandhom 20 sena.
Fuq il-pedana tax-xhieda deher l-ispettur Roderick Attard fejn xehed li ftit sigħat qabel ma kellu jiġi akkużat, Milton talab biex jittieħed l-isptar.
Huwa ddaħħal l-isptar u dam rikoverat għal diversi jiem.
L-Ispettur xehed ukoll li lejlet li kien se jiġi akkużat, kienet saret tfittxija fir-residenza tiegħu għal oġġetti teknoloġiċi, liema tfittxija kienet fin-negattiv.
L-Ispettur qal li waqt din it-tfittxija, l-akkużat ikkopera mal-pulizija.
L-avukati tal-akkużat ikkontestaw il-validità tal-arrest, billi sostnew li l-pulizija ma kinitx ħarġet mandat ieħor ta’ arrest kontra Milton.
Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni spjegat li meta ġew arrestati l-ħames suspettati l-oħra, ġiet ikkontestata wkoll il-validità tal-arrest, liema talba ma ġietx milqugħa mill-Qorti.
Il-Prosekuzzjoni qalet li matul dawn il-ġimgħat li Milton kien l-isptar, kompliet l-investigazzjoni mill-pulizija.
Dwar il-kontestazzjoni tal-validità tal-arrest mid-Difiża, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-police bail qatt ma ġiet irtirata.
Il-Prosekuzzjoni saħqet li għalhekk ma kienx hemm għal fejn jintalab it-tieni mandat ta’ arrest.
Spjegat li kollox mexa id f’id mal-liġi.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Qorti vvalidat l-arrest tal-akkużat.
Hekk kif Milton ingħata l-ħelsien mill-arrest, il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegat vittma.