Bernard Grech għadu mwaħħal fit-tmeninijiet u ma’ kull ċans li jkollu jerġa’ jispiċċa jitkellem fuq dak li kienu jagħmlu Gvernijiet tal-Partit Nazzjonalista fil-passat.
F’intervista fuq l-istazzjon Nazzjonali reġgħet kien evidenti kif Bernard Grech huwa ankrat għal kollox fil-passat.
Skontu l-poplu Malti u Għawdxi għandu jagħżel lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss għaliex Gvernijiet Nazzjonalisti fit-tmeninijiet u fis-snin ta’ qabel għamlu dak li ddeskrivieh bħala ġid kbir.
“Ma ninsewx il-ġid kbir li għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti allura mhux biss mill-87 ’l hawn, iżda wkoll fiż-żminijiet ta’ qabel.”
Din il-ħarsa lura lejn il-passat ma kinitx biżżejjed u għal darba oħra Bernard Grech reġa’ spiċċa jgħid li l-poplu Malti u Għawdxi llum irid jagħmel bħan-nies tal-1987.
“Dan il-pajjiż għandu bżonn jibgħat messaġġ anke internazzjonalment li jrid ibiddel. Bħal ma ġara fl-1987.”
Ma setax jonqos li Bernard Grech jiddefendi lill-old guard tal-Partit Nazzjonalista u b’hekk lid-Deputati antiki tal-establishment Nazzjonalista.
Hekk kif kien mistoqsi dwar kif ser jara li l-grupp parlamentari tiegħu wara l-elezzjoni jkun wieħed frisk u ġdid, Bernard Grech qabeż għad-deputati li anki poġġewh Kap.
“Wiċċ ġdid mhux bil-fors ikun aħjar minn wiċċ li ilu fil-politika.”