L-infrastruttura teknika tal-Aġenzija Maltija għat-Teknoloġija tal-Informatika, il-MITA, tirċievi mal-miljun u nofs e-mail kull ġimgħa. Miljun minnhom jiġu kklassifikati bħala e-mails perikolużi.
Fil-jum internazzjonali ddedikat għal aktar għarfien dwar il-perikli li jeżistu fuq l-internet, dan l-istazzjon tkellem ma’ Martin Camilleri, Manager fid-Dipartiment tas-Sigurtà tal-Informazzjoni fi ħdan il-MITA.
Huwa saħaq li mhux kulħadd għandu intenzjonijiet tajbin u jkun hemm min jieħu vantaġġ billi jibgħat e-mails malizzjużi.
“Il-hacker ikun qed jara l-attività tiegħek u jaf li per eżempju tħobb il-futbol u jibgħatlek e-mail relatata mal-futbol u magħha jkollha link li hija malizzjuża. Meta tikklikkja fuqha dik il-link, awtomatikament idaħħallek xi ħaġa fuq il-magna tiegħek mingħajr ma tkun taf u minn hemm jibda joħroġ l-affarijiet li għandek fuqha kif ukoll jista’ jużah biex jikkomunika miegħu u lilek ipoġġik taħt threat.”
Camilleri spjega li persuna tista’ tagħmel ħafna affarijiet biex ma taqax għall-ingann, iżda ħafna drabi, l-iktar ħaġa faċli ma ssirx.
“Li trid tagħmel huwa li tikkonferma li dawk l-affarijiet li rċevejt huma vera jew inkella taqbad u tarmiha. Tgħid dan ma nafux, narmih. Jekk xi ħadd vera jrid jerġa’ jkellmek u huwa xi ħadd ġenwin, kull ma jrid jagħmel jerġa’ jibgħatlek e-mail.” 16
Minkejja r-riskji li jeżistu, wieħed dejjem jista’ jieħu l-prekawzjonijiet.
“Jekk inti student, jew jekk inti ċittadin normali li żżomm ħafna mid-data tiegħek fuq il-kompjuter per eżempju kontijiet u korrispondenzi, huwa importanti li tagħmel back-ups tagħhom ħalli jekk eventwalment xi darba tispiċċa vittma, ikollok back-up u ġġib lura d-data tiegħek mingħajr ma dak li qed jipprova jattakkak, iżommok taħt rikatt.”
Il-MITA tmexxi diversi kampanji regolari fuq bażi nazzjonali fejn tidħol is-sigurtà fuq l-internet.
Dan bil-għan li tgħallem lin-nies kif għandhom ikunu siguri online u jipproteġu lilhom infushom.