Mill-bidu ta’ din is-sena, bdiet taħdem iċ-Children’s House, f’Santa Venera, fejn tfal imorru biex jixhdu f’ambjent adattat għalihom.
Fi żjara li għamel il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon ġie spjegat kif f’din il-binja qed isiru l-investigazzjonijiet minn uffiċjali tal-Pulizija, tobba u anki professjonisti li jaħdmu fid-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal.
Id-Direttur ta’ dan id-Direttorat, Steve Libreri spjega li din id-dar taħseb fil-partikolaritajiet tat-tfulija u l-professjonisti jgħinu lit-tfal jiftakru episodji li jkunu xhieda tagħhom b’lingwaġġ u atmosfera adattati għalihom.
“Mhux fair li nħallu lit-tfal joqogħdu jduru minn post għall-ieħor biex jagħtu biċċa ta’ storja lil dak u biċċa storja lill-ieħor allura l-idea hija li nġibu lil kulħadd hawnhekk u t-tifel jista’ jaqsam l-istorja darba imma jkun hemm nies imħarrġa apposta biex jgħinu lit-tfal jiftħu iktar fuq il-memorja ħalli jkunu jistgħu jagħtu kemm jista’ jkun dettall u narrattiva rikka.”
Professjonisti differenti jkollhom aċċess minn kamra għall-oħra waqt li tkun qed tingħata x-xhieda tat-tfal, permezz ta’ kameras fil-kmamar li jistgħu jintużaw biex professjonist jintervjenu u jikkomunika ma’ min ikun qed jistaqsi lit-tfal.
Ix-xhieda tat-tfal li tiġi segwita mill-Imħallef u professjonisti oħra, tiġi rrekordjata minn tagħmir apposta li jirrekordja l-filmati b’mod sħiħ.
Dawn il-filmati qed jintużaw regolarment mill-Qorti Kriminali u l-Qorti tal-minorenni biex it-tfal ma jkollhomx għalfejn jixhdu mill-Qorti.
“Diġà rajna kambjament importanti ħafna. Filwaqt li ċ-Child Protection minn dejjem kellu s-sengħa tal-intervisti mat-tfal, però meta mbagħad żidna dan il-livell, rajna li t-tfal qegħdin jiftħu b’mod aktar komdu u allura żidna r-rikkezza fl-istejjer u fid-disclosures li qed jagħtuna t-tfal.”
Il-Ministru Michael Falzon fakkar li l-iskop ewlieni ta’ din id-dar huwa li t-trawma fuq it-tfal tkun mill-inqas.
“Wieħed irid jaraha bħala katina. Meta daħħalna l-liġi tat-tfal f’Lulju, waħda mill-affarijiet innovattivi kienet iċ-Children’s House biex it-tfal jagħtu l-kontribut tagħhom f’ambjent tajjeb għalihom u iktar minn kollox, biex ma joqogħdux jgħixu l-esperjenza għal darba, tnejn, tlieta.”